Internazzjonali

L-Irlanda trid tieħu lura ‘l-biljuni’ bħala taxxa mill-kumpannija Apple

 

Il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li l-Irlanda għandha tieħu sa 13-il biljun ewro bħala taxxa b’lura mingħand il-kumpannija tat-teknoloġija Amerikana, Apple.

Intant, il-Kummissjoni kkonkludiet, wara investigazzjoni ta’ tliet snin, li l-benefiċċji tat-taxxa għall-Apple fl-Irlanda huma illegali. Dan meta pajjiżi membri tal-UE ma jistgħux jagħtu benefiċċji tat-taxxa lil ‘kumpaniji magħżula’.

Kelliema għall-Kummissjoni Ewropea qalu li l-Irlanda ppermettiet li l-kumpanija Apple tħallas sostanzjalment anqas taxxa minn intrapriżi oħrajn u fejn l-Apple, effettivament, spiċċat tħallas taxxa korporattiva ta’ mhux aktar minn wieħed fil-mija.

Sadanittant, l-Irlanda u l-kumpannija Apple it-tnejn ma qablux mad-deċiżjoni għall-penali rekord u beħsiebhom jappellaw.

Il-Ministru tal-Finanzi Irlandiż, Michael Noonan, sostna  li ‘ma jaħsibhiex l-istess bħall-Kummissjoni’ u li issa m’għandux għażla ħlief ifittex l-approvazzjoni tal-Kabinett (f’Dublin) biex jappella. Noonan qal li dan irid isir ‘biex l-Irlandiżi jiddefendu l-integrità tas-sistema tat-taxxa lokali waqt li jisfidaw ‘l-indħil’, permezz tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istati tal-UE, fil-kompetenza tat-tassazzjoni ta’ pajjiż  sovran tal-Unjoni.