Lokali

L-ironija: Il-kbir tal-Autobuses de Leon jasal tard u jitlef l-ajruplan

In-nuqqas ta’ puntwalità mill-karozzi tal-linja hu fatt li ħafna jgergru dwaru. Iżda jidher li l-problema tal-puntwalità hija waħda intrinsika f’kull livell tal-kumpanija Autobuses de Leon, inkluż fit-tmexxija tal-istess kumpanija.

Netnews.com.mt jinsab infurmat li ironikament, iċ-Chairman tal-Autobuses de Leon Felipe Cosman tilef ajruplan li kellu jaqbad wara li wasal tard!

Sorsi li tkellmu ma’ Netnews.com.mt spjegaw kif Cosman kellu jaqbad it-titjira tal-Emirates EK107 minn Malta lejn Dubaj. Impjegati tal-ajruport provaw isejjħu lil Cosman permezz tas-sistema tal-‘loud speaker’, madanakollu kull attentat kien għalxejn għax Cosman baqa’ ma tfaċċax.

Provajna nistħarrġu jekk Cosman kienx qed jivjaġġa lejn l-ajruport b’karozza privata jew b’karozza tal-linja, iżda ma rnexxilniex naslu għall-konklużjoni.

Il-kumpanija Autobuses de Leon intgħażlet mill-Gvern biex tmexxi t-trasport pubbliku f’pajjiżna. Qabel tħabbret il-kumpanija, il-Ministru tat-Traffiku Joe Mizzi kien saħanistra mar Spanja fejn kien iltaqa’ mat-tmexxija tal-kumpanija.

Sal-lum, l-Autobuses de Leon qed tingħata miljuni ta’ ewro f’sussidji mit-taxxi tal-pubbliku, bil-puntwalità u l-effiċjenza jkunu fost l-aktar ilmenti komuni min-nies għall-mod kif jopera t-trasport pubbliku.

Ritratt: Times of Malta