Lokali

L-iskandlu tal-ħruġ tal-voti lill-barranin: ikkonfermat il-ksur tal-Kostituzzjoni ta’ Malta

Kważi nofs il-ilmenti li ressaq il-Partit Nazzjonalista dwar voti li ngħataw lil barranin li xtraw iċ-ċittadinanza huma ġustifikati mill-Kummissjoni Elettorali. Dan kien żvelat illum mill-gazzetta Times of Malta wara li kien konfermat minn sorsi fil-Kumissjoni Elettorali. Filfatt  kien żvelat ukoll li l-Kumissjoni Elettorali mhux se toġġezzjoni fir-rikorsi li ressaq il-Partit Nazzjonalista fuq madwar 39 każ. Il-Partit Nazzjonalista b’kollox ressaq 91 każ.

F’kummenti ma’ The Times, il-Kap tal-Kummissjoni Elettorali Joseph Church qal li ma kienx se jitkellem dwar il-każijiet u qal li kien qed jevalwa l-każijiet sabiex jagħmel il-preżentazzjonijiet tiegħu fil-Qorti.

Fi stqarrija b’reazzjoni għal dan il-Partit Nazzjonalista sostna li dak żvelat illum jikkonferma li l-Partit Nazzjonalista kellu raġun meta żvela li qed tinkiser il-Kostituzzjoni ta’ pajjiżna fil-ħruġ ta’ voti lil barranin li jkunu xtraw iċ-ċittadinanza Maltija u li ma jkunux eliġibbli għalih. Wara li, fi tliet snin biss, immina l-fiduċja tal-polu Malti u Għawdxi fl-istituzzjonijiet indipendenti ta’ pajjiżna, issa, l-Partit Laburista saħansitra rrikorra għall-logħob bil-voti.

Fl-istqarrija, maħruġa mill-Viċi Kap tal-PN Beppe Fenech Adami u x-shadow Minister Jason Azzopardi, il-PN qal li dan l-iskandlu seħħ fl-Uffiċċju Elettorali li jaqa’ fid-dekasteru tal-Prim Ministru Joseph Muscat. Il-Prim Ministru ma jistax jibqa’ sieket quddiem dan l-iskandlu, li issa ġie kkonfermat ukoll li nkisret il-Kostituzzjoni ta’ pajjiżna. Is-silenzju tal-Prim Ministru dwar dan l-iskandlu tkompli żżid il-mistoqsijiet dwar l-involviment ta’ Kastilja f’dan l-iskandlu.

Dak żvelat illum minn The Times of Malta jikkonferma wkoll li l-Ministru tal-Ġustizzja Owen Bonnici gideb aktar kmieni din il-ġimgħa meta xejjen dak żvelat mill-Partit Nazzjonalista u ddeskriva dan l-iskandlu bħala xi ħaġa “normali” u li “ma kien hemm ebda abbuż”. Jekk għall-Ministru tal-Ġustizzja, l-ksur tal-Kostituzzjoni ta’ Malta saret “normali”, l-istandards ta’ pajjiżna verament messew il-qiegħ.

Fl-aħħarnett, fid-dawl ta’ dak żvelat minn The Malta Independent ilbieraħ, jiġifieri l-fatt li l-Kummissarju Elettorali Ewlieni kien jaf b’dawn l-abbużi saħansitra qabel inħarġu l-voti jpoġġi dawl ikrah fuq it-tmexxija ta’ Kummissjoni li suppost tkun indipendenti. Il-poplu Malti u Għawdxi, minimament, jixraqlu spjegazzjoni għal dan l-aġir u raġuni għaliex il-persuna li suppost taġixxi b’mod indipendenti u tassigura proċess tal-voti trasparenti u korrett, għalqet għajnejha għal dan il-każ ċar ta’ ksur tal-Kostituzzjoni ta’ pajjiżna.