Lokali

L-ISKANDLU TAL-PANAMA: Jirriżenja l-kap tal-aġenzija li kienet qed tinvestiga lil Konrad Mizzi u lil Keith Schembri

Ma’ NETnews.com.mt, Manfred Galdes ikkonferma li rriżenja iżda saħaq li ma jistax jagħti aktar kummenti

Manfred Galdes, il-kap tal-aġenzija f’Malta li tistħarreġ każijiet ta’ ħasil ta’ flus, irriżenja mill-pożizzjoni tiegħu. Net news jista’ jikkonferma li Galdes irriżenja mill-kariga l-ġimgħa li għaddiet.

Manfred Galdes ilu għal dawn l-aħħar numru ta’ snin imexxi l-Financial Intelligence Analysis Unit – l-FIAU – li xogħlha hu li tara li persuni u istituzzjonijiet Maltin jimxu mal-liġijiet ta’ kontra l-ħasil ta’ flus.

L-FIAU fl-aħħar xhur kienet qed tinvestga lill-Ministru Kornad Mizzi u liċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru, Keith Schembri, wara li nqabdu li fetħu kumpaniji sigrieti fil-Panama biex fihom jitfgħu is-senserija.

Xi xhur ilu, il-Ministru Edward Scicluna kien qal fil-Parlament li l-aġenzija Maltija ta’ kontra l-ħasil tal-flus kienet qed tinvestiga l-iskandlu.

Skont dak żvelat, Manfred Galdes kien iltaqa’ mal-eks-Kummissarju tal-Pulizija Michael Cassar li min-naħa tiegħu kien għadda xi files b’dak li l-FIAU kienet stabilixxiet dwar l-attivitajiet irregolari ta’ Konrad Mizzi u Keith Schembri.

Ftit wara li l-FIAU temmew l-investigazzjoni tagħhom, Michael Cassar ħareġ bil-leave u aktar tard irriżenja minn Kummissarju tal-Pulizija jumejn biss wara l-laqgħa li kellu mal-kap tal-aġenzija Maltija ta’ kontra l-ħasil tal-flus.

Dakinhar, Joseph Muscat ħatar lil Lawrence Cutajar bħala Aġent Kummissarju tal-Pulizija, li fis-siegħat li għaddew inħatar bħala Kummissarju tal-Pulizija.

Sal-lum – minkejja li għaddew 5 xhur minn meta ġie żvelat l-iskandlu tal-Panama – il-Pulizija għadha ma bdietx tinvestiga lil Keith Schembri u lil Konrad Mizzi – li fis-siegħat li għaddew kienu ma’ Joseph Muscat is-Singapore jaraw it-tanker tal-gass li se jitpoġġa fil-bajja ta’ Marsaxlokk.

Manfred Galdes
Ritratt: L-eks Direttur tal-FIAU Manfred Galdes

Riżenja inkwetanti li teħtieġ spjegazzjoni serja – il-PN

Intant, il-Partit Nazzjonalista saħaq li r-riżenja ta’ Manfred Galdes minn Direttur tal-Financial Intelligence Analysis Unit hija waħda serja u li tpoġġi aktar pressjoni fuq il-Prim Ministru Joseph Muscat fid-dawl tal-iskandlu tal-kumpaniji sigrieti li għandhom fil-Panama ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri u l-Ministru Konrad Mizzi.

Fil-5 ta’ April li għadda, l-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna kien qal fil-Parlament li l-FIAU – li jinvestiga każijiet ta’ ħasil ta’ flus – kien qed jinvestiga lil Keith Schembri u lil Konrad Mizzi. Erba’ xhur wara dak li qal Edward Scicluna, rriżenja d-Direttur ta’ dan il-Unit li kien qed jinvestiga lill-id il-leminija u l-id ix-xellugija ta’ Muscat.

Il-Partit Nazzjonalista qal li r-riżenja ta’ Galdes tpoġġi numru ta’ mistoqsijiet ġodda li Muscat għandu jirrispondi minnufih, fosthom jekk l-FIAU temmitx l-investigazzjoni tagħha dwar Keith Schembri u Konrad Mizzi. Tqum ukoll il-mistoqsija jekk ir-rapport li sar mill-FIAU ġiex preżentat lill-Kummissarju tal-Pulizija u jekk iva, meta sar dan.

Il-Partit Nazzjonalista staqsa wkoll jekk il-Kummissarju tal-Pulizija ħax passi fuq ir-rakkomandazzjonijiet li għamlet l-FIAU u jekk Muscat, Schembri u Mizzi għandhomx kopja ta’ dan ir-rapport. Qed issir ukoll il-mistoqsija jekk Muscat hux lest li jippubblika dan ir-rapport ta’ investigazzjoni fuq Keith Schembri u Konrad Mizzi.

L-aħħar żviluppi fl-iskandlu tal-kumpaniji sigrieti fil-Panama huma serji ħafna, u Muscat jeħtieġ li jagħti dawn it-tweġibiet minnufih, temm jgħid il-Partit Nazzjonalista.

Muscat qed jibqa’ jiddeċiedi ħażin dwar Keith Schembri u Konrad Mizzi

Il-Partit Nazzjonalista b’referenza għall-istqarrija vaga u bla ebda risposti minn naħa tal-Gvern qal lil’hinn mill-kummentarju politiku li ma jagħmel ġieħ lil ebda Gvern, il-Prim Ministru Joseph Muscat ma wieġeb ebda mill-mistoqsijiet serji li qed isirulu wara li rriżenja d-Direttur tal-Financial Intelligence Analysis Unit ftit xhur biss wara li bdiet investigazzjoni dwar il-kumpaniji sigrieti fil-Panama taċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri u l-Ministru Konrad Mizzi.

Fid-dawl ta’ din ir-riżenja, l-poplu Malti u Għawdxi qed jistaqsi jekk l-investigazzjoni tal-FIAU tlestietx, u jekk tlestiet, lil min għaddiet u x’passi ttieħdu. Dawn huma mistoqsijiet li l-poplu Malti u Għawdxi għandu dritt għat-tweġibiet għalihom.

Flok ikompli jwebbes rasu u jieħu d-deċiżjonijiet ħżiena dwar l-iskandlu tal-Panama, Muscat għandu jieqaf jagħmel ħsara r-reputazzjoni ta’ pajjiżna.