Internazzjonali

L-iskandlu tal-Petrobras fil-Brażil: Lejn ġuri għall-eks President Lula da Silva

L-eks-President Soċjalista tal-Brażil, Luiz Inacio Lula da Silva, se jgħaddi ġuri fuq akkużi li ostakola l-ġustizzja f’każ relatat mal-iskandlu kbir assoċjat mal-kumpannija taż-żejt Statali Petrobras.

L-aħħar żviluppi seħħew ftit xhur wara li l-Avukat Ġenerali tal-Brażil kien akkuża lil Lula dwar rwol ewlieni fil-każ tal-Petrobras li hu kkalkulat li sewa lill-kumpannija tal-Istat aktar mill-ekwivalenti ta’ żewġ biljun dollaru.

L-Avukat Ġenerali kien qal li l-korruzzjoni ma setgħetx issir mingħajr il-parteċipazzjoni ta’ Lula, li, min-naħa tiegħu, qed jiċħad għall-akkużi.

Lula da Silva kien President tal-Brażil mill-2003 sal-2011 u l-iskandlu tal-Petrobras wassal għall-arrest ta’ għexieren ta’ politiċi u uffiċjali fl-Istat Latin Amerikan.

Intant, Lula, flimkien ma’ sitt imputati oħra, qed ikun akkużat, fost oħrajn, li pprova jtellef l-investigazzjoni dwar l-iskandlu bil-laqam Operation Car Wash. Fl-istess ħin, għadha ma tħabbritx id-data għall-proċess tal-eks President Soċjalista Brażiljan.