Internazzjonali

L-Istat ta’ Indiana deċiżiv għal Ted Cruz

L-istaġun tal-primarji qed ikompli fl-Istati Uniti fejn ‘l-eżami’ ta’ Indiana tista’ tkun fatali għas-Senatur minn Texas, Ted Cruz. Dan meta Cruz qed jittama li jistimola l-kandidatura tiegħu għan-nomina Repubblikana biex, ‘il quddiem, jikkuntesta għall-Presidenza Amerikana f’isem dan il-partit.

Il-konsulenti ta’ Cruz, qabel, kienu indikaw il-vot tallum f’Indiana kellu jkun ‘l-aħjar tama’ għal Cruz biex ikattar l-isfida fil-konfront tar-rivali, Donald Trump, li hu l-favorit assolut li jirbaħ in-nomina Repubblikana għall-White House ( u li anki għandu vantaġġ kbir fuq Ted Cruz.)

Iżda Trump qed jidher lest li jagħti ‘l-aħħar daqqa’ lit-tamiet ta’ Cruz, meta jaf li rebħa għalih f’Indiana tagħlaq kull diskors dwar fejn sejra n-nomina tal-Partit Repubblikan. Jekk Trump jirbaħ f’Indiana, hu x’aktarx li jilħaq it-tragward ta’ 1,237 delegat biex jaċċerta min-nomina u jevita kwalunkwe intoppi.

Qabel il-primarji ta’ Indiana, Ted Cruz wissa li l-Amerikani ‘jispiċċaw fl-abbiss f’każ li huma jeleġġu lil Trump’. Hu tkellem ftit wara li Trump kien issuġġerixxa li missier Cruz ‘kellu konnessjoni’ mar-raġel li qatel lill-President Amerikan John F. Kennedy, fl-1963.

Bħalissa għaddejja wkoll taqtigħa, f’Indiana, bejn Hillary Clinton u Bernie Sanders, li qed jikkuntestaw kontra xulxin għan-nomina tal-Partit Demokratiku għall-White House. Clinton tinsab fuq quddiem sew f’din it-tellieqa meta kisbet diġà 91 fil-mija tad-delegati li teħtieġ biex taċċerta min-nomina Demokratika.

Minkejja li, f’Indiana, mhemmx distakk partikolari bejn Clinton u Sanders, rebħa għas-Senatur minn Vermont mhux mistenni jnaqqar wisq mill-vantaġġ impressjonanti ta’ Clinton, li tista’ tirbaħ in-nomina anki jekk titlef l-aħħar sfidi li fadal f’dan il-proċess politiku.