Internazzjonali

L-Istati Uniti: Diżgwid bejn Clinton u Sanders dwar il-politika ta’ Obama

Il-kandidati tal-Partit Demokratiku Amerikan, Hillary Clinton u Bernie Sanders, ikkonfrontaw lil xulxin dwar kwistjoni ta’ appoġġ għall-President tal-Istati Uniti Barack Obama. Dan seħħ waqt l-ewwel dibattitu bejniethom wara l-primarji li saru aktar kmieni fil-ġimgħa fi New Hampshire.

Hillary Clinton użat id-dibattitu televiżiv, organizzat f’Milwaukee, biex tiddefendi l-politika ta’ Obama waqt li attakkat lil Sanders, is-Senatur minn Vermont, talli hu kkritika lill-President Amerikan ‘fuq l-istess stil bħalma qed jagħmel il-Partit Repubblikan’.

Clinton u Sanders huma r-rivali ewlenin għan-nomina tal-Partit Demokratiku biex xi
ħadd minnhom, f’Novembru, jikkontesta l-elezzjoni għall-Presidenza tal-Istati Uniti f’isem il-partit. ’Il quddiem huma se jkunu involuti f’aktar proċessi primarji, fosthom il-caucuses tal-Partit Demokratiku li jsiru f’Nevada fl-20 ta’ Frar u l-primarji tal-istess partit f’South Carolina, li għandhom isiru ġimgħa wara.

Hillary Clinton, waqt id-dibattitu, enfasizzat ir-rabtiet tagħha ma’ Barack Obama li hu ferm popolari mal-votanti li jiffurmaw il-minoranzi fl-Istati Uniti.

Sadanittant, Bernie Sanders kompla bit-tema dwar l-ugwaljanza ekonomika fejn indirizza s-sitwazzjonijiet ta’ disparità qalb il-komunitajiet tas-suwed.

Fl-istess ħin, Hillary Clinton xeħtet dubju dwar il-wegħdi ta’ Sanders biex jipprovdi kura tas-saħħa bħala kunċett ‘universali’ flimkien ma’ edukazzjoni ogħla b’xejn fl-Istati Uniti.