Internazzjonali

L-Istati Uniti: Jivvutaw fil-primarji ta’ New Hampshire

Ir-residenti fl-Istat Amerikan ta’ New Hampshire ivvutaw fil-primarji separati tal-Partit Demokratiku u l-Partit Repubblikan, fejn il-kandidati rispettivi qegħdin jippruvaw jiksbu n-nomina tal-partiti biex, f’Novembru, jikkuntestaw għall-Presidenza tal-Istati Uniti.

Fil-kamp tar-Repubblikani, il-kandidat favorit Donald Trump qed jittama f’wirja aħjar wara d-disfatta fl-Istat ta’ Iowa, waqt il-laqgħa tal-partit biex jintgħażlu l-kandidati u li kienet intrebħet mis-Senatur ta’ Texas, Ted Cruz. Il-ġlieda bejn ir-Repubblikani żvolġiet f’waħda ħarxa, fejn numru ta’ kandidati, jiem ilu, kienu kkritikaw bl-aħrax lis-Senatur ta’ Florida, Marco Rubio, li spiċċa t-tielet fil-proċess ta’ Iowa.

It-tellieqa ewlenija għan-nomina tal-Partit Demokratiku fi New Hampshire hi bejn l-eks-Segretarju tal-Istat Amerikan Hillary Clinton u Bernie Sanders, is-Senatur minn Vermont. Clinton kienet kisbet rebħa minima fuq Sanders waqt il-vot ta’ Iowa.

L-ewwel voti ntefgħu fil-belt żgħira ta’ Dixville Notch, fejn dehru li marru tajjeb Bernie Sanders u r-Repubblikan John Kasich, li hu l-Gvernatur ta’ Ohio.

Il-maltemp bil-borra, sadanittant, kien qed jhedded li jikkomplika l-votazzjoni tal-bieraħ, meta t-temperaturi fi New Hampshire niżlu taħt iz-zero.