Internazzjonali

L-Istati Uniti: Kellhom joqtlu gorilla fiz-zoo biex isalvaw tifel

Uffiċjali ta’ zoo, fil-belt Amerikana ta’ Cincinnati, kienu kostretti li jisparaw għal gorilla u joqtluh, wara li tifel ta’ erba’ snin spiċċa jaqa’ għal ġol-enclosure tal-annimal.

It-tfajjel, b’xi mod, għadda minn zona ta’ sigurtà u waqa’ għal ġo għadira li ffurmat parti mill-enclosure — fejn inħataf mill-gorilla li spiċċa jkaxkru għal xi distanza.

Kelliema għaz-zoo qalu li huma, dak il-ħin, ħadu d-deċiżjoni biex jisparaw għall-gorilla, li kien jismu Harambe, minħabba l-potenzjal ‘kritiku’ taċ-ċirkustanzi.

Filwaqt li qalu li ddispjaċihom talli eliminaw annimal ta’ speċi li tista’ tispiċċa minn fostna, l-uffiċjali jemmnu li ‘l-għażla kienet korretta għaliex, b’hekk, irnexxielhom isalvaw ħajjet it-tifel’. Huma qalu wkoll li l-użu ta’ tranquilizer ma kienx se jkollu effett rapidu f’sitwazzjoni bħal din, fejn kull sekonda titqies bħala kruċjali.

It-tifel ittieħed l-isptar u filwaqt li ma ħarġux dettalji dwar il-kundizzjoni tiegħu, mistenni li hu jirkupra mill-esperjenza. Intant, l-awtoritajiet taz-zoo ta’ Cincinnati għalqu l-gorilla exhibit għal żmien temporanju wara l-inċident.