Internazzjonali

L-Istati Uniti twissi li l-Euro 2016 tista’ tkun mira għal terroristi

epa05032629 Local police officers patrol near the Duomo in Milan, Italy, 19 November 2015. Security has been beefed up in Milan following the 13 November Paris attacks and an FBI security alert. Authorities in Italy had received information about five suspected terrorists who might have been planning attacks on famous Italian landmarks, news reports said. EPA/MOURAD BALTI TOUATI

L-Istati Uniti għadha kemm wissiet li l-logħob tat-tournament internazzjonali tal-futbol, Euro 2016, li jibdew fi Franza, fl-10 ta’ Ġunju, jistgħu jispiċċaw mira tat-terroristi.

Id-Dipartiment tal-Istat Amerikan f’Washington qal li l-ammont kbir ta’ turisti li se jżuru Franza u l-Ewropa matul is-sajf għandhom jippreżentaw ‘mira akbar’ għal militanti u gruppi terroristiċi.

Dan id-Dipartiment, permezz ta’ travel alert għal ċittadini Amerikani, wissa dwar ‘il-perikli ta’ attakki minn militanti madwar l-Ewropa’ u sostna li l-miri għal terroriżmu jistgħu jinkludu siti turistiċi, restoranti, ċentri kummerċjali u hubs tat-trasport.

Sar ukoll aċċenn partikolari għall-avvenimenti għall-massa importanti bħall-Euro 2016 li kapaċi ‘jattiraw il-qilla’ ta’ movimenti terroristiċi.

L-impenji tal-Euro 2016 idumu sat-12 ta’ Lulju, u l-logħob se jinqasam f’numru ta’ stadiums f’diversi bliet prinċipali ta’ Franza, magħrufa bħala host cities. L-ibliet magħżula, minbarra Pariġi, jinkludu fost oħrajn Marsilja, Lyon, Lille, Bordeaux u Toulouse.

Franza diġà tinsab taħt stat ta’ emerġenza wara l-attakki kordinati tat-13 ta’ Novembru, mill-ISIS, fil-qalba ta’ Pariġi, li kienu ħallew għexieren ta’ mejtin u midruba.