Internazzjonali

L-Istati Uniti: Twissija ta’ Clinton dwar ‘il-mument tal-verità’

L-eks-Segretarju tal-Istat Amerikan Hillary Clinton saret l-ewwel mara li aċċettat in-nomina tal-Partit Demokratiku biex tikkuntesta f’ismu kontra l-kandidat tal-Partit Repubblikan fl-elezzjoni ta’ Novembru għall-Presidenza tal-Istati Uniti.

Waqt li kkonfermat id-deċiżjoni storika fis-serata finali tal-konvenzjoni tal-Partit Demokratiku fil-belt ta’ Philadelphia, Clinton qalet li l-elezzjoni għall-Presidenza Amerikana hi avveniment fejn iridu jsiru l-kontijiet u fejn il-poplu jiddeċiedi x’direzzjoni jrid jaqbad fis-snin li ġejjin.

Fid-diskors tagħha, Clinton irreferiet għall-isfidi kbar li qed jiffaċċja l-poplu waqt li wissiet dwar ċerti elementi qawwija li qed jheddu li jifirdu lill-Amerikani.

Hawnhekk hi rreferiet speċifikament għal Donald Trump, il-kandidat Repubblikan u r-rivali ewlieni fl-elezzjoni ta’ Novembru, fejn akkużatu b’li qed jiżra d-diżgwid fost il-poplu. Clinton, fl-istess ħin, xliet lil Trump talli qed jipprova jifred lill-Amerikani minn ma’ xulxin u akkużatu dwar aġenda intiża biex tifred lill-poplu Amerikan mill-kumplament tad-dinja.

Hillary Clinton sostniet li l-futur ma jġib l-ebda garanziji u li l-Amerikani jridu jiddeċiedu jekk humiex se jaħdmu id f’id biex igawdu l-prosperità u ġejjieni aħjar. Hi kompliet li l-Amerikani mhumiex poplu mbeżża’ u esprimiet fiduċja li huma se jqumu għall-isfida bħalma qamu dejjem għal sfidi oħrajn fil-passat. Dan filwaqt li jkunu rispettati l-valuri Amerikani bbażati fuq il-ħelsien, l-ugwaljanza u l-ġustizzja.

F’botta oħra lil Donald Trump, Clinton qalet li l-Istati Uniti, taħt it-tmexxija tagħha, m’għandhiex taħseb biex tibni l-ħitan li jifirdu, iżda minflok timpenja ruħha biex tibni ekonomija li minnha jibbenefika kulmin jixtieq ix-xogħol bi gwadann tajjeb.

Aktar tard, Donald Trump bagħat messaġġ fuq Twitter fejn qal li d-diskors ta’ Hillary Clinton naqas milli jindirizza t-theddida tal-Iżlam radikali u li dan il-fattur, skont hu, ifisser li l-eks-Segretarju tal-Istat Amerikan ‘m’għandhiex titqies bis-serjetà bħala mexxejja potenzjali tal-Istati Uniti’.