Lokali

L-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin b’appell biex il-libell kriminali jitneħħa bla dewmien

L-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin fi stqarrija qal li qasam ieħor fejn il-kunċett tal-Medjazzjoni għandu jkun introdott hu fil-każ tal-libelli. L-IĠM qal dan wara li ntbagħtu l-proposti lill-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali bħala parti mill-proċess ta’ konsultazzjoni dwar il-White Paper għal titjib fil-qasam tal-medjazzjoni.

“F’numru konsiderevoli ta’ kawżi ta’ libell, f’xi stadju tal-kawża jew fil-fażi finali tagħha, issir dikjarazzjoni mill-kwerelat li timmitiga l-offiżi li dwarhom ikun ilmenta il-kwerelat u l-kawża tieqaf hemm. Imma sadattant ikun inħela ħafna ħin tal-Qorti, ta’ avukati, xhieda u persuni oħra barra milli jkunu saru ħafna spejjeż inutli,” tenna l-IĠM.

Għaldaqstant l-IĠM żied li hu konvint li jekk ikun hemm eżerċizzju ta’ medjazzjoni malli ssir il-kwerela, jista’ jintlaħaq ftehim bejn il-partijiet u jiġi evitat ħafna ħela ta’ ħin u ta’ flus.

L-Istitut ħeġġeġ lill-Gvern biex jikkunsidra din il-proposta, filwaqt li saħaq li kemm jista’ jkun malajr il-Parlament għandu jilleġiżla biex jiddekriminalizza il-libell. Dan hekk kif il-Gvern wara l-istqarrija tal-IĠM ħabbar li l-Ewwel Qari tal-liġi li se tneħħi l-libell kriminali hija skedata għall-10 ta’ Ottubru li ġej.