Internazzjonali

L-Italja: Funeral statali ieħor għall-vittmi tat-terremot

 It-tieni funeral statali għal 37 minn fost il-292 persuna li mietu fit-terremot tal-24 ta’ Awwissu qed isir bħalissa, fil-belt ta’ Amatrice, u għaliha qegħdin jattendu l-President Taljan, Sergio Mattarella, il-Prim Ministru Taljan Matteo Renzi u l-Prim Ministru tar-Rumanija, Dacian Ciolos.

Ħafna mill-mejtin fit-terremot ta’ ġimgħa ilu, li mmarka 4.2 fuq l-Iskala Richter, ma kenux residenti ta’ Amatrice u l-funerali tagħhom saru fi bnadi oħra. F’dan it-terremot, li qered tlett ibliet fiċ-ċentru tal-Italja (inkluża Amatrice) mietu wkoll numru ta’ barranin fosthom 11-il Rumeni u tliet Britanniċi.

Iċ-ċerimonja funebri attwali hi ddedikata lill-vittmi tar-reġjun ta’ Lazio, li jinkorpora l-belt ta’ Amatrice u wara li  l-ewwel funeral statali għall-mejtin tat-terremot sar nhar is-Sibt f’unur il-vittmi mir-reġjun ta’ Marche.

Numru kbir ta’ ħaddiema, fil-lejl preċedenti, kienu stinkaw biex itellgħu kumpless tat-tined għall-funeral f’Amatrice u wara li residenti rrabjati kienu ċaħdu l-pjan oriġinali tal-Gvern Taljan biex is-servizz funebri jsir ġo hangar ta’ ajruport, fil-belt ta’ Rieti.

L-inħawi ta’ Amatrice ġarrbu l-akbar impatt tat-terremot tal-ġimgħa l-oħra u s-servizz funebri qed isir fil-limiti taċ-ċentru medjevali ta’ din il-belt li kkrollat kważi għal kollox fit-theżżiż.  L-Italja, fil-preżent, qed tosserva perjodu ta’ luttu nazzjonali, bil-bnadar fuq il-bini pubbliċi qegħdin jittajjru mezz’asta.

Iz-zona madwar l-epiċentru tat-terremot, fl-aħħar jiem, għaddiet minn eluf ta’ theżżiż sekondarju meta madwar 231 vittma tat-terremot instabu f’Amatrice, bi 11 oħra jinstabu fl-inħawi ta’ Accumoli. It-terremot kien sewa wkoll il-ħajja ta’ 50 persuna fiz-zona ta’ Marche.