Internazzjonali

L-Iżvezja ssaħħaħ l-kooperazzjoni man-NATO

Se jkun aktar faċli għan-NATO li tibbaża suldati fit-territorju tal-Iżvezja wara li d-deputati tal-Parlament Żvediż ivvutaw biex isaħħu r-rabtiet mal-Alleanza tal-Punent.
Il-ftehim fuq bażi ta’ Host Nation Support anki jwitti t-triq għall-Iżvezja biex tingħata għajnuna minn militar tal-Alleanza f’każ ta’ sitwazzjonijiet ta’ emerġenza. Ftehim simili diġà jinsab fis-seħħ fil-Fillandja, li, bħall-Iżvezja, iżżomm mat-tradizzjoni fejn ma tiffurmax parti minn alleanzi militari.
Madankollu, il-Ministru tad-Difiża Żvediż, Peter Hultqvist, qal lid-deputati fi Stokkolma li l-politika tas-sigurtà għandha tirrifletti ż-żminijiet tal-lum. Hu fisser li ‘l-aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna abbużat il-liġi internazzjonali minbarra li sfidat il-kriterji tas-sigurtà tal-Ewropa’. Hultqvist, intant, tkellem ukoll dwar żieda fl-attivitajiet ta’ spjunaġġ fir-reġjun tal-Balkani; ir-‘retorika nukleari’ u l-abbuż tal-ispazju tal-ajru Żvediż minn ajruplani tar-Russja.
Is-sitwazzjoni tfisser li l-Iżvezja trid taħseb biex tibni mill-ġdid il-kapaċitajiet militari filwaqt li ssaħħaħ il-kooperazzjoni ma’ alleati potenzjali.