Ambjent Lokali

L-iżvilupp f’Wied il-Għomor għandu jiġi rrifjutat – Front Ħarsien ODZ

Il-Front Ħarsien ODZ qed iħeġġeġ lil Awtorita’ tal-Ippjanar biex tirrifjuta l-applikazzjoni ghal Dar tal-Anzjani ta’ 133 kamra f’Wied il-Għomor. Id-deċizjoni dwar dan il-proġett se tittieħed nhar il-Ħamis li ġej fis-2 ta’ waranofsinhar.

Fi stqarrija il-Front Ħarsien ODZ qal li nhar il-Ħadd li għadda, l-1 ta’ Mejju, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li mhux se jkun hemm aktar żvilupp f’art verġni, allura hi tixtieq li dan il-każ ta’ Wied il-Għomor ikun l-ewwel każ t’eżempju li dak li qal Muscat vera se jwettqu. Il-Front qal li jekk din il-binja tiġi mtella’ fil-Wied, dan ifisser li hemm ċans ikun hemm aktar żvilupp fil-Wied, li jista’ jeqred għal kollox il-wirt naturali ta’ Wied il-Għomor.

Il-Front Ħarsien ODZ qal li l-Wied għandu jerġa jiġi riġenerat għall-agrikoltura u mhux biex jinbena, u fuq kollox li tibni f’Wied qatt ma kienet xi ħaġa tajba.

Il-Front qal li jekk għandha tinbena d-Dar tal-Anzjani, din għandha tinbena viċin iċ-ċentru u mhux lil’hinn, għax b’hekk biss huma jkunu jisgħu jiġu integrati sew fil-lokalita’, dan infatti mhux biss qed jgħidu l-Front, imma wkoll dokument ippublikat mill-Awtorita’ tal-Faċilitajiet Soċjali u tal-Kura fil-Komunita’.

Sadanitant fl-aħħar jiem residenti li joqgħodu fl-akwata ta’ fejn hemm pjanat li jsir l-iżvilupp ġabru firem kontra l-iżvillupp f’Wied il-Għomor u se jkunu ppreżentati lil Prim Ministru.