Lokali

L-Iżviluppaturi favur l-iskema ta’ amnestija għal irregolaritajiet

L-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi taqbel mal-Avviż Legali li permezz tiegħu se tingħata amnestija għal irregolaritajiet fl-iżvilupp.

Fi stqarrija l-MDA qalet li taqbel mal-prinċipju għaliex numru sostanzjali ta’ sidien li għandhom numru ta’ irregolaritajiet li ma setgħu qatt jiġu sanzjonati, kienu qed isofru danni meta jiġu biex ibiegħu il-propjeta’ tagħhom. L-MDA qalet li amnestija hija l-uniku rimedju għal din it-tip ta’ problema.

Madanakollu, l-MDA ħeġġet lill-Awtorita’ tal-Ippjanar li għandha tikkonsidra l-impatt fuq il-madwar sabiex ma jinħolqux anomaliji ġodda.

L-MDA appellat lill-membri tagħha fejn biegħu propjetajiet b’dawn l-irregolaritajiet li ġew preskritti, biex volontarjament jgħinu lis-sidien attwali fil-ħlas ta’ miżati biex jiġu in regola. L-Assoċjazzjoni appellat ukoll għal pieni iktar ħorox għal kull min jabbuża u jikser il-liġi.

Din il-pożizzjoni tikkuntrasta ma’ dik meħuda mill-Kamra tal-Periti, li fi stqarrija iktar kmieni din il-ġimgħa, qalet li l-Avviż Legali fih numru ta’ regolamenti vagi li jagħtu l-impressjoni li kwalunkwe illegalita’ tista’ tiġi regolarizzata u li ma hemm ebda distinzjoni bejn irregolaritajiet ta’ natura minuri u llegalitajiet ta’ natura ferm iktar gravi.

Il-Kamra tal-Periti esprimiet it-tħassib tagħha li dawn ir-regolamenti se jiftħu bibien għal tbajja indelibbli fuq l-ambjent urban, u li ser iservu biex jinkoraġġixxu attitudni ta’ kollox jghiddi minn ċertu żviluppaturi peress li qed jipprovdi mekkaniżmu biex dak li hu llegali isir legali.