Internazzjonali

L-IŻVIZZERA: Lejn projbizzjoni għall-velu tal-wiċċ

Ir-reġjun ta’ Ticino wasal qrib li jipprojbixxi l-velu li jilbsu xi nisa Musulmani biex jgħattu wiċċhom kollu. Dan wara li l-Parlament tar-reġjun, jew canton inkwistjoni (fejn jitkellmu t-Taljan) approva l-liġi speċifika li kienet proposta.
Għaldaqstant, Ticino għandu jkun l-ewwel reġjun Żvizzeru li jintroduċi projbizzjoni ta’ dan it-tip.
Wara l-approvazzjoni mill-Parlament reġjonali, l-abbozz ta’ liġi inkwistjoni – li rebaħ l-appoġġ ta’ 65 fil-mija tal-elettorat waqt referendum li sar fl-2013 – jista’ jidħol fis-seħħ minn April li ġej. L-abbozz kien ispirat mil-liġi kontroversjali li introduċiet Franza, fl-2011, u li tipprojbixxi lin-nisa milli jilbsu n-niqab (libsa li tgħattihom minn rashom sa saqajhom) fit-toroq, il-ġonna, il-ħwienet u l-bini tal-Gvern.
Fi żviluppi oħra, l-Imħallfin tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet Umani għaddew verdett unanimu dwar deċiżjoni li ttieħdet biex ma jiġġeddidx il-kuntratt ta’ ħaddiema soċjali Franċiża li rrifjutat li tneħħi l-velu u li din id-deċiżjoni ma abbużatx il-liġi tad-drittijiet umani.
Il-mara kienet impjegata ma’ sptar fi Franza u l-Qorti nnutat li l-awtoritajiet ikkunsidraw l-ilbies tal-velu bħala dimostrazzjoni sfaċċata ta’ fidi li hi inkompatibbli mal-ideal tan-newtralità li jeħtieġ li jirriflettu l-uffiċjali pubbliċi waqt li qed jaqdu dmirijiethom.