Ekonomija Lokali

L-MEA b’reazzjoni pożittiva għall-“Ekonomija għan-Nies”

L-Assoċjazzjoni Maltija għal Min Iħaddem (MEA) laqgħet b’mod pożittiv id-Dokument “Ekonomija għan-Nies”, ippubblikat mill-Partit Nazzjonalista ftit tal-ġimgħat ilu.

Waqt laqgħa li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil kellu mal-Uffiċjali tal-MEA, ġie rikonoxxut il-fatt li d-Dokument jinkludi proposti li jindirizzaw is-settur ekonomiku ta’ pajjiżna, b’mod partikolari mil-lat soċjali.

Simon Busuttil qal li bħala Oppożizzjoni, il-Partit Nazzjonalista mhux qiegħed hemm biss biex jikkritika, iżda qed joħroġ bi proposti għall-futur tal-Ekonomija. Dan minbarra li d-Dokument hu parti mill-vizjoni tal-Oppożizzjoni bħala Gvern Alternattiv.

Min-naħa tiegħu, il-President tal-MEA Arthur Muscat qal li b’dan id-Dokument, l-Oppożizzjoni verament qed tipproġetta ruħha bħala Gvern Alternattiv. Qal ukoll li hi xi ħaġa verament innovattiva li bħala Partit fl-Oppożizzjoni, qed ikunu ppreżentati proposti dwar materja daqstant sensittiva.

Akkumpanjat mid-Deputati Ċensu Galea, Claudio Grech, Antoine Borg u Kristy Debono, Simon Busuttil qal li l-Partit Nazzjonalista jemmen f’ekonomija miftuħa, iżda wkoll li tindirizza l-problemi soċjali.