Ekonomija Lokali

L-MHRA tippreżenta l-proposti ta’ qabel il-Baġit lill-Oppożizzjoni

L-Assoċjazzjoni tal-Lukandi u r-Ristoranti Maltin (MHRA) ippreżentat il-proposti tagħha qabel il-Baġit 2016 lill-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil.

Hu rringrazzja lill-MHRA talli qasmet il-proposti taghha mal-Oppożizzjoni, bil-Kap tal-Partit Nazzjonalista jgħid li min-naħa tagħha, anke l-Oppożizzjoni qed tipprepara dokument bil-proposti għall-Baġit. Dan mistenni jkun ippreżentat għada u din se tkun l-ewwel darba li l-Oppożizzjoni f’pajjiżna se tippreżenta proposti għall-Baġit.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li hu importanti li bħala Assoċjazzjoni, l-MHRA titkellem anke mal-Oppożizzjoni dwar l-aspetti li l-aktar jolqtu lilha. Hawn semma’ t-turiżmu, fejn saħaq li pajjiżna għandu bżonn viżjoni f’dan il-qasam. Semma’ kif l-Oppożizzjoni tixtieq li tkun infurmata dwar il-pjan ta’ ristrutturar tal-Air Malta.

Kienu diskussi wkoll it-tariffi tal-elettriku, biex dawn jirriflettu l-prezz internazzjonali taż-żejt, kif ukoll is-sigurtà mal-preżenza ta’ barranin f’pajjiżna wara li riċentament sar magħruf fil-media li fl-aħħar snin il-Gvern ħareġ madwar 14,000 Permess ta’ Residenza għal persuni li mhumiex ċittadini tal-Unjoni Ewropea.

Min-naħa tiegħu, Andrew Agius Muscat f’isem l-MHRA qal hu importanti li t-talbiet tal-industrija jkunu ppreżentati lill-awtoritajiet tal-pajjiż. Spjega kif din is-sena, l-idea tal-MHRA fil-prosposti ta’ qabel il-Baġit hi li tiffoka fuq il-bżonn ta’ viżjoni fit-tul għas-settur tat-turiżmu, filwaqt li tiffoka wkoll fuq setturi oħra, bħall-manifattura u s-servizzi finanzjarji.

L-MHRA sahqet ukoll li l-Gvern għandu joħroġ b’inċentivi għan-negozji biex iduru għall-użu ta’ riżorsi aktar effiċjenti fil-ġenerazzjoni tal-enerġija.