Lokali

L-MPA isejjaħ għal riforma mill-qiegħ tal-Akkademja tal-Pulizija

L-Assoċjazzjoni Maltija tal-Pulizija (MPA) sejħet għal riforma mill-qiegħ tal-Akkademja tal-Pulizija sabiex din tidbiddel għal istitut professjonali u awtonomu.

Fi stqarrija, l-MPA qalet li t-taħriġ u l-preparazzjoni ta’ dawk imħajjra jissieħbu jew ikomplu jikbru fil-karriera tagħhom fil-Korp tal-Pulizija għandu jkun wieħed akkreditat u jingħata minn professjonisti.

L-MPA qalet li l-Akkademja tal-Pulizija għandha jkollha l-kompetenza li tfassal korsijiet ta’ taħriġ li jissodisfa l-ħtiġijiet u r-rekwiżita tar-rwol tal-Pulizija li jwassal għall-għoti ta’ servizz professjonali fuq l-istandards tal-ġurnata tal-lum.

Iżda sabiex dan iseħħ, hemm bżonn awtonomija sħiħa fl-istruttura tal-Akkademja tal-Pulizija, fejn ikun hemm Direttur tal-Istudji u Bord Akkademiku sabiex ifasslu kors li jwassal sabiex wieħed ikun jista’ jissieħeb b’mod sħiħ mal-Korp wara li jkun kiseb ċertifikat akkreditat.

L-MPA issostni li dan ipoġġi lil-membri tal-Korp fuq livell akkademiku rikonoxxut kemm f’Malta kif ukoll internazzjonalment u jħajjar ukoll lill-istess membri biex ikomplu għal edukazzjoni terzjarja.

L-MPA temmen li din is-sistema toħloq iktar awtonomija u ndipendenza fil-Korp għaliex il-Korp ma jibqagħlux kontroll assolut ta’ min ser jikkwalifika jew le għal ċertu karigi minn kuntistabbli ‘l fuq peress illi tkun l-Akkademja tal-Pulizija, bħala entita’ indipendenti u kompetenti, li tkun qiegħda tiċċertifika li persuna tkun laħqet il-kwalifiki mitluba.