Lokali

L-MUMN tappella għall-intervent tal-Prim Ministru b’rabta mas-sitwazzjoni tas-Social Workers

“Kull dipartiment għandu l-istorja tiegħu pero’ lil din il-union, l-aktar li xxukjawna kienu sitwazzjonijiet fejn kienu involuti t-tfal, persuni b’mard mentali u l-priġunieri fil-Faċilita’ Korrettiva ta’ Kordin fejn f’ċertu sitwazzjonijiet is-social workers ma setgħux jgħatu servizz għaliex diġa kienu overloaded b’darbtejn u tlett darbiet aktar mill-workload normali tagħhom. Barra minn hekk, dawk il-persuni li jkunu qegħdin jirċievu s-servizz, ma jirċevuhx kif suppost minħabba l-fatt li l-attenzjoni tas-social worker trid tinqasam fuq kemm jista’ jkun nies bir-riżultat li jonħolqu d-diżżapunti kemm fost is-social workers infushom kif ukoll minn dawk li jkunu qed jirċievu s-servizz”.

Hekk saħqet il-union tal-infermiera u l-qwiebel, l-MUMN, f’ittra miftuħa lill-Prim Ministru Joseph Muscat b’rabta mal-kwistjoni tas-social workers impjegati mas-servizz pubbliku. Ittra li fiha l-MUMN titlob l-intervent tal-Prim Ministru.

Fl-ittra l-MUMN saħqet li f’pajjizna hawn nuqqas serju ta’ social workers u dan in-nuqqas aktar jiggrava fis-settur pubbliku. Fil-maġġoranza ta’ dawn il-postijiet tax-xogħol in-numru ta’ social workers naqas bin-nofs u anki aktar. L-MUMN kompliet tispjega li r-raġuni li ma japplika ħadd hija li l-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom huma ħżiena. Dan in-nuqqas qed jikkawża mhux biss burn out sħiħ fuq is-social workers li għadhom jaħdmu iżda wkoll qed joħloq dilemma professjonali peress li mhux faċli li tkun trid tgħin u tgħati servizz lil nies vulnerabbli u ma tistax minħabba n-nuqqas eżistenti ta’ dawn il-professjonisti tkompli tgħid l-ittra tal-MUMN.

Fl-ittra tal-MUMN iffirmata mis-Segretarju Ġenerali Colin Galea intqal li din is-sitwazzjoni tista’ tiġi solvuta biss permezz ta’ Ftehim Settorali ġdid iffukat biss fuq is-social workers fejn ikollhom titjieb fil-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom u b’hekk jiġu attirati social workers lejn is-servizz pubbliku bir-riżultat li ċ-żittadini Maltin u Għawdxin jirċievu s-servizz li jixirqilhom.

L-ittra tkompli billi tgħid li, “f’laqgħa li seħħet il-bieraħ ma’ l-uffiċjali tal-PACBU ġejna nfurmati li peress li l-aħħar ftehim settorali sar madwar sentejn ilu, mhummiex tal-parir li jsir ieħor. L-MUMN argumentat li kull Ftehim Settorali m’għandux data meta jgħalaq. Anzi hemm l-understanding bejn il-Gvern u l-unions li żewġ partijiet għandhom il-possibilita’ li jressqu dawk il-punti neċessarji l-quddiem għad-diskussjoni fejn ikun meħtieġ. Barra minn hekk x’jiswa li fl-2014 ġie ffirmat Ftehim meta dan l-istess Ftehim ma joffriex soluzzjonijiet għall-kriżi li għandna fost is-social workers?”.