Lokali

L-MUT diżappuntata li l-ħtiġijiet urġenti tal-edukaturi ma ssemmewx fil-Budget

Il-Union tal-Għalliema, MUT, qalet li bħala l-ewwel reazzjoni tagħha għall-Budget, hi diżappuntata li ħtiġijiet urġenti tal-edukaturi fl-iskejjel għal darb’oħra ma ssemmewx. Il-union qalet li kienet tistenna li dawn id-diffikultajiet, li ħarġu wkoll minn studji riċenti li saru minnha u mill-Gvern, kienu jitqiesu prijorità għall-Gvern.

Fost dawn, semmiet in-nuqqas ta’ ħaddiema meħtieġa biex jgħinu fix-xogħol amministrattiv u burokratiku tal-iskejjel hekk kif spjegat li 90% tal-kapijiet tal-iskejjel jiddedikaw il-parti l-kbira ta’ ħinhom f’xogħol burokratiku minflok fi tmexxija kurrikulari tal-iskola.

L-MUT saħqet li hemm ħtieġa qawwija ta’ ħaddiema fl-iskejjel primarji u sekondarji u kkritikat il-fatt li ħafna għalliema ggradwati qed jispiċċaw bla xogħol jew qed jgħallmu suġġetti li ma studjawx għalihom. Saħqet li ħafna għalliema fi skejjel tal-istat u tal-Knisja qed jgħallmu l-massimu tal-load u tenniet li xi skejjel se jintlaqtu ħażin malli tasal ix-xitwa u ġġib magħha l-mard.

Il-union qalet ukoll li d-Diskors tal-Budget ma jipprovdi ebda ħaddiema on call għall-ħaddiema tal-kindergartens jew ta’ LSAs u qalet li minħabba f’hekk, meta dawn se jkunu assenti, it-tfal se jkollhom jintbagħtu lura d-dar.

L-MUT qalet li hemm inizjattivi fil-Budget li hi tilqa’ fosthom screening bikri ta’ tfal biex jiġu identifikati l-ħtiġijiet speċjali tagħhom, l-estensjoni tal-leave sabbatiku u l-proġett tat-tablets fl-2016. Qalet ukoll li fl-aħħar għalliema, LSAs u assistenti tal-kindergarten se jingħataw laptops ġodda.

L-MUT ikkritikat il-fatt li l-Budget ma jindirizzax il-problema ta’ studenti żejda fl-istitut tal-arti u d-disinn u saħqet li hemm 400 student żejda li qed joħolqu problemi kbar. Qalet ukoll li wara tliet snin ta’ wegħdiet u inċertezzi, fl-aħħar saru magħrufa d-dettalji ta’ kampus ġdid għall-ITS.

Laqgħet ukoll l-iżviluppi b’rabta mal-Assikurazzjoni ta’ Kwalità fl-Università ta’ Malta, iż-żieda fl-assistenza amminstrattiva u l-istipendji għall-istudenti maturi.

Ikkritikat però dik li sejħet bħala miżura indiretta biex iżid l-età tal-pensjoni u qalet li hi diżappuntata ħafna li l-Gvern żied l-ammont ta’ snin għall-pensjoni minn 40 għal 41 sena. Qalet ukoll li iktar ’il quddiem se toħroġ iktar kummenti ladarba tingħata iktar informazzjoni dwar il-Vot tal-Edukazzjoni.