Edukazzjoni Lokali

L-MUT tgħid li l-użu tat-tablets mhux mistenni jibda qabel l-2017

Mhux minnu li mill-bidu tas-sena skolastika, l-istudenti tar-raba’ sena tal-Primarja bdew jużaw it-‘tablets’.

Ikkonfermat dan l-Union tal-Għalliema (MUT), li fi stqarrija sostniet li t-‘tablets’ lill-istudenti se jibdew jitqassmu f’Diċembru li ġej, bid-distribuzzjoni hi suġġett għall-iffirmar ta’ Memorandum of Understanding bejn l-MUT u l-Gvern.

L-MUT qalet li l-użu ta’ ‘tablets’ mill-Għalliema u l-Learning Support Assistants fil-preżent qed isir biss għal skop ta’ taħriġ. L-MUT qalet li dan kollu kien diġà ġie miftiehem mal-Ministeru tal-Edukazzjoni.

L-Għalliema qed jinsistu li qabel ma jidħol fis-seħħ l-użu tat-‘tablets’, irid ikun iffirmat il-ftehim. L-MUT appellat biex l-Għalliema kollha jimxu ma dawn id-direttivi.

L-union appellat lill-Ministeru tal-Edukazzjoni biex l-informazzjoni lill-media tgħaddi b’mod tajjeb u li tirrifletti dak li ġie miftiehem.

Skont l-MUT l-ewwel użu tat-‘tablets’ għat-tagħlim mill-istudenti mistenni jseħħ f’Jannar 2017.