Lokali

L-omm tkompli tinsisti li binha ġie msawwat mill-Pulizija

“Jekk tagħsar kollox se jirriżulta li dawn l-episodji kollha huma bluha ta’ tfal” – l-omm li ż-żewġ ulied tagħha nqabdu jsuqu taħt l-età

“Id-demm kien għadu jċarċar” insistiet omm it-tifel ta’ 12-il sena li nqabad isuq u li b’konsegwenza tiegħu se jitressqu l-Qorti erba’ Pulizija dwar allegazzjoni ta’ swat.

It-tifel kemm ‛il darba nqabad isuq b’mod perikoluż u kien ġie allegat li darba minnhom, intużat forza eċċessiva minn membri tar-Rapid Intervention Unit tant li ferewh biex ikkontrollawh. Dan wassal biex erba’ Pulizija se jkunu qed jitressqu l-Qorti.

Fuq il-media soċjali, omm it-tifel insistiet li “l-provi kontra erba’ membri minn tar-Rapid mhux jien se nressaqhom iżda Spettur tal-Internal Investigation”.

Omm it-tifel kitbet dan fuq Facebook b’risposta għal kummenti li għamel Sandro Camilleri, il-President tal-Union tal-Pulizija fi ħdan il-GWU.

Sandro Camilleri, fuq Facebook, staqsa “ħa naraw x’se jallegaw issa” wara li żgħażugħ ta’ 17-il sena, li jiġi ħu t-tifel tat-12-il sena, ukoll inqabad mill-Pulizija jsuq vettura illegalment.

L-omm kompliet tikteb “kif qalli t-tifel stess, kien hemm minnhom (il-Pulizija) li bdew jgħidu “ħalluh, issawtuhx aktar””.

Intant, petizzjoni online ġabret mijiet ta’ firem biex il-Pulizija ma jitressqux il-Qorti. Dan kollu fl-isfond ta’ ritratt li ttella’ online mit-tifel ta’ 12-il sena fejn kiteb “ma taqbduni qatt!!!” b’referenza għall-Pulizija.

ma taqbduni qatt