Lokali Parlament

“L-Oppożizzjoni mhix se tagħlaq ħalqha kif qed jipprova jagħmel il-Gvern” – Mario De Marco

Il-Viċi Kap Nazzjonalista Mario de Marco qal li s-sistema parlamentari ingliża ġiet kritika b’kumment dwar is-saħħa esaġerata tal-Gvern kontra d-djufija tal-Parlament.

Mario de Marco qal li d-deċiżjoni meħuda bir-ruling tal-Ispeaker se jkun qed inaqqas aktar is-saħħa tal-Parlament. Dak li qed ikun diskuss bil-mozzjoni tal-Oppożizzjoni mhux il-każ ta’ Keith Schembri imma dwar id-drittijiet tal-Membri Parlamentari.

Mario de Marco qal li fil-Kostituzzjoni ma hemm l-ebda limitazzjoni dwar dak li jista’ jkun diskuss fil-Parlament, li hu l-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż. Jekk il-Parlament jitneħħilu l-għodda tad-dibattitu, tkun qed issir sarima ma’ ħalq il-Membri Parlamentari. Din it-theddida għad-demokrazija mhix aċċettabbli.

Mario de Marco kkwota dak li kien qal il-Ministru Owen Bonnici ftit taż-żmien ilu meta saret mozzjoni kontra Richard Cachia Caruana. Dakinhar kien qal li l-mozzjoni ppreżentata mill-Oppożizzjoni ta’ dak iż-żmien kienet turi il-ħeġġa li għandu (il-Partit Laburisrta) biex ikun imħares id-dritt tal-Parlament.

Mario de Marco qal li l-Gvern mhux akbar mill-Parlament u għandu jżomm sens kbir ta’ responsabbiltà. Hemm qbil li l-Parlament ma għandux jidħol fuq id-drittijiet tal-individwu. L-Oppożizzjoni taqbel ma’ dan u dawn id-drittijiet huma mħarsa mill-istess Kostituzzjoni.

Il-Parlament hu wieħed mill-mezzi li bih jista’ jsir skrutinju fuq l-operat tal-Gvern. Jaqbel li l-Parlament ma għandux joqgħod jidħol fuq nuqqas ta’ uffiċjal pubbliku. Imma hemm ċirkostanzi fejn il-Parlament għandu d-dritt u l-obbligu li jiċċensura bħalma hu l-każ tal-membri tal-ġudikatura ċirkostanzi fejn il-Parlament għandu d-dritt u l-obbligu li jiċċensura bħalma hu l-każ tal-membri tal-ġudikatura.

Mario de Marco qal li f’dan il-każ hemm persuna li hi maħtura mill-politiku. Dan hu differenti mill-membri normali taċ-ċivil. Għal dawn il-ħatriet, hu l-ministru, il-politiku li hu responsabbli.

Għalhekk hu essenzjali, li l-Parlament jiskrutinja lill-persuni maħtura mill-politiku kif għandha tiskrutinja lill-istess politiku.

Mario de Marco qal li l-persuna in kwistjoni hi l-Kap tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru, li tieħu sehem fin-negozjati li jsiru f’isem il-poplu. Din il-persuna ħadet sehem f’negozjati kbar u importanti li għadhom sa llum miżmuma sigrieti.
Fuq din il-persuna ntefgħu dellijiet kbar u fuqha hemm mistoqsijiet kbar.

F’dan il-każ ma jistax isir serħan fuq il-Prim Ministru biex iwieġeb għad-domandi li qed isiru. Il-Prim Ministru ma jistax ikun indipendenti f’din l-istorja. Fil-fatt spiċċa bħala l-avukat difensur tiegħu u minkejja dak kollu li ġie żvelat baqa’ ma jridx jinvestigah u sostna li għadu jgawdi l-fiduċja tiegħu.

Mario de Marco qal hemm awtoritajiet oħra li jistgħu jagħmlu l-investigazzjonijiet meħtieġa. Hemm il-Kummissarju tat-Taxxi Interni, l-FIAU, il-Korp tal-Pulizija u hemm anke l-Qrati li jagħtu ġudizzju fuq dak li jista’ jirriżulta.

Mario de Marco qal li r-responsabbiltà mhix biss tal-politiku imma anke tal-awtoritajiet kompetenti. Il-PN ħaddem il-prinċipji li qed jitkellem dwarhom illum meta kien fuq in-naħa tal-Gvern.

Il-mozzjoni li kienet saret fil-konfront ta’ Richard Cachia Caruana kienet diskussa u ma kien hemm l-ebda Speaker li qal li mhix aċċettabbli.

Mario de Marco qal li l-Gvern irid lill-Oppożizzjoni tgħalaq ħalqha, għajnejha u widnejha. Imma l-Oppożizzjoni mhix se taċċetta li tagħmel dan. Ma għandux ikun il-Prim Ministru li jwieġeb għal dak li qed jiġi allegat fil-konfront tal-Kap tal-Uffiċċju tiegħu. Għandu jkun l-istess Kap tal-Uffiċċju li jwieġeb quddiem il-Parlament.

Mario de Marco qal li l-Oppożizzjoni mhix interessata f’inkwiżizzjoni imma li interessata li kulmin qed imexxi jew f’pożizzjoni ta’ tmexxija jagħmel dan b’mod dehen u li jagħmel ġieħ lill-pajjiż.