Parlament

L-Oppożizzjoni mhix sempliċiment topponi imma qed tagħmel diversi proposti biex ix-xogħol tal-Parlament jgħolli l-livell

Id-Deputat Nazzjonalista Frederick Azzopardi irrefera għar-regolamenti li jirregolaw il-kworum u l-ħin ta’ sospensjoni sakemm ikun stabbilit jekk il-Kamra tistax tkompli għaddejja bix-xogħol. Hu qal li l-Gvern qed itawwal il-ħin tas-sospensjoni.

Irrefera wkoll għall-ħin li fih kull Membru jista’ jagħmel l-intervent tiegħu. L-emenda proposta mill-Gvern qed tillimita l-ħin tal-intervent minn 40 minuta għal 30 minuta, ħlief għal ċerti eċċezzjonijiet.
Frederick Azzopardi staqsa kif jista’ l-Gvern isaħħa l-argument tiegħu li qed isaħħaħ il-leħen taċ-ċittadin meta qed inaqqas il-ħin tal-interventi. It-tnaqqis fil-ħin tal-interventi mhux bilfors se jfisser titjib fil-livell tad-diskussjoni.

Id-Deputat Nazzjonalista qal li proposta li saret fid-dokument “ Nibnu fiduċja ġdida fil-politika” tissuġġerixxi li Membru Parlamentari jkun jista’ jiddedika aktar ħin għax-xogħol Parlamentari. L-istess dokument jappella biex jitneħħa l-privileġġ parlamentari.

Frederick Azzopardi qal li l-Oppożizzjoni mhix sempliċiment topponi imma qed tagħmel diversi proposti biex ix-xogħol tal-Parlament jgħolli l-livell. L-Oppożizzjoni qed tagħmel diversi suġġerimenti u ppreżentat għadd ta’ mozzjonijiet. Għalhekk għandha tingħata aktar spazju biex tkun tista’ tressaq ix-xogħol propost minnha. Dan ma għandux isir bħalli kieku qed tingħata karità imma għandha tingħata bi dritt.

Frederick Azzopardi qal li emenda proposta mill-Gvern tagħti aktar ħin biex il-Parlament ikun jista’ jiddiskuti xogħol imrssaq mill-Oppożizzjoni jew minn membri privati.

Id-Deputat Nazzjonalista qal li proposta oħra li jkun hemm ħin dedikat biex il-Prim Ministru jwieġeb għal domandi parlamentari. Din tkun opportunità biex ikun hemm aktar trasparenza u kontabbiltà.
Frederick Azzopardi qal li ma jagħmlux sens il-proposti tal-Gvern li jkun hemm multa għal min ma jattendix imbagħad jipposponi l-votazzjoni għal ġurnata partikolari fil-ġimgħa. Dan juri biss kontradizzjoni fil-proposti tal-Gvern.

Intant Id-Deputat Nazzjonalista Toni Abela tkellem dwar il-proposta tal-Oppożizzjoni biex il-Prim Ministru jwieġeb domandi tal-Membri Parlamentari fil-ħin tal-mistoqsijiet. Hu qal ma jistax jifhem għaliex il-Prim Ministru mhux jaċċetta proposta bħal din meta jista’ jagħti kull spjegazzjoni mitluba minnu. Kieku jaċċetta proposta bħal din, il-Prim Ministru jkun jista’ jgħid li qed jirrispetta l-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż u ma tkomplix sitwazzjoni fejn ministri jibqgħu jaħarbu milli jagħtu risposti.

Toni Abela rrefera wkoll għall-penali li se tkun imposta fuq Membri li ma jattendux. Staqsa fejn se jispiċċaw flus li jinġabru b’dan il-mod u ssuġġerixxa li dawn imorru għal entitajiet filantropiċi.