L-Oppożizzjoni tistenna li l-ġid jitqassam b’mod ġust, mhux jiffangaw il-ftit – il-PN

Mill-baġit ta’ nhar it-Tnejn, l-Oppożizzjoni tistenna li l-Gvern iqassam il-ġid b’mod ġust u mhux iħalli lil ftit jiffangaw, qal il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija.

Taħt Gvern Laburista, it-tkabbir ekonomiku ma ssarrafx fi tqassim ġust tal-ġid. Minflok għandna l-ogħla rata ta’ persuni f’riskju ta’ faqar, li llum telgħu mal-100,000 persuna, fosthom żieda ta’ 2,500 anzjan f’sena waħda biss li llum jgħixu fi stat ta’ faqar. Għanda l-ogħla rati ta’ prezzijiet tal-petrol u diesel minkejja li l-prezz taż-żejt jinsab fl-anqas livell għal bosta snin. U fl-istess ħin għandna klikka ta’ nies jiffangaw fuq flus il-poplu għas-sempliċi raġuni li kienu jew għadhom qrib ħafna ta’ Muscat u l-ħbieb tiegħu.

Għaldaqstant, tkompli l-istqarrija, l-Oppożizzjoni tqis il-baġit ta’ nhar it-Tnejn huwa test għall-Gvern Laburista: test dwar jekk hux tassew lest jagħti każ lil dawk li l-aktar għandhom bżonn, fosthom il-familji bi dħul baxx, il-ħaddiema fuq il-minimum wage u l-anzjani li ma jistgħux jgħixu bil-pensjoni li qed jirċievu.

L-istqarrija ittemm tgħid li l-Oppożizzjoni tingħaqad ukoll mal-korpi kostitwiti li qed jistennew roħs ferm akbar fil-kontijiet tad-dawl la darba pajjiżna issa jista’ jixtri elettriku bi prezz ferm orħos mill-powerstation tal-BWSC u mill-interconnector. L-Oppożizzjoni tistenna wkoll li l-prezz tal-petrol u d-diesel jitraħħas drastikament u immedjatament, u ma jibqax fost l-ogħla fost il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea.