Lokali Parlament

L-Oppożizzjoni titlob lill-Gvern jispjega għaliex mhux qiegħed iwettaq dak li wiegħed lill-poplu

L-Oppożizzjoni kompliet fil-Parlament illejla tistaqsi lill-Gvern iwieġeb mistoqsija sempliċi u jgħid għaliex mhux qiegħed iwettaq dak li wiegħed lill-poplu.

Quddiem il-wiegħda ċara fil-Manifest Elettorali tal-Partit Laburista li “nagħmlu hearings Parlamentari għal persuni li jkunu nominati biex imexxu l-funzjonijiet regolatorji u regolaturi, bħall-Awtorità Maltija għar-Riżorsi, l-Awtorità Maltija għall-Komunikazzjoni u oħrajn,” il-Gvern għandu jispjega kif illum qiegħed jirrifjuta u jivvota kontra emenda tal-Oppożizzjoni li qed tipproponi li l-persuna nominata fil-kariga ta’ Chairman Eżekuttiv tal-Awtorità dwar l-Ippjanar tal-Iżvilupp, tersaq għal smiegħ quddiem il-Kumitat Parlamentari dwar l-Ambjent u l-Ippjanar.

L-emenda tressqet f’isem l-Oppożizzjoni mid-Deputat Nazzjonalista Ryan Callus li rrimarka li f’dan id-dibattitu biex titwaqqaf l-Awtorità dwar l-Ippjanar, il-Parlament qed jaħsbu xi Konferenza Ġenerali tal-Partit Laburista tiddibatti l-Manifest Elettorali Laburista.

Kemm ix-Shadow Minister Marthese Portelli, id-Deputati David Agius, George Pullicino u Ryan Callus, flimkien mad-Deputat indipendenti Marlene Farrugia staqsew lill-Gvern jispjega għaliex ir-reżstenza kollha tal-Gvern biex jaqbel mal-emenda tal-Oppożizzjoni u ma’ dik imressqa minn Marlene Farrugia.

L-Oppożizzjoni qed tagħmel dak li wiegħed u ma jridx iwettaq il-Partit Laburista fil-Gvern
Ryan Callus saħaq li l-emenda tal-Oppożizzjoni qed tagħmel dak li wiegħed, u ma jridx iwettaq, il-Partit Laburista llum fil-Gvern.
Ryan Callus qal li hekk kif l-Oppożizzjoni qed taqbel mal-emenda li qiegħed iressaq il-Gvern biex il-persuna fil-kariga ta’ Chairman Eżekuttiv tal-Awtorità tkun tista’ titneħħa b’riżoluzzjoni u b’vot sempliċi fil-Parlament, bl-istess mod il-Gvern għandu jaqbel mal-proposta tal-Oppożizzjoni li l-persuna nominata fil-kariga tgħaddi minn smiegħ u skrunitnju quddiem il-Kumitat Parlamentari fejn il-Gvern ukoll għandu l-maġġoranza ta’ membri fil-Kumitat.

Emenda mid-Deputat Marlene Farrrugia… tiddikjara wkoll li taqbel mal-Oppożizzjoni
Id-Deputat Marlene Farrugia ressqet emenda f’isem l-Alternattiva Demokratika tipproponi li l-Gvern għandu jersaq għall-opinjoni tal-Kumitat Parlamentari dwar l-Ambjent u l-Ippjanar filwaqt li rrimarkat li hi taqbel ukoll mal-emenda mressqa mill-Oppożizzjoni
Ix-Shadow Minister Marthese Portelli rrimarkat li smiegħ u skrutinju tal-Kumitat Parlamentari jżommu liċ-Chairperson Eżekuttiv tal-Awtorità “on his tiptoes” u dan hu importanti jekk irridu persuna li tagħmel xogħlha tajjeb.

Staqsiet ukoll għaliex hu llum li l-Gvern qiegħed imur lil hinn u jbiddel il-wegħdiet li għamel lill-elettorat. Staqsiet ukoll għaliex qabel l-elezzjoni l-Partit Laburista ħassu komdu li jikteb u jwiegħed li se jkun hemm hearings parlamentari għal persuni nominati f’karigi importanti, u llum l-istess wiegħda elettorali skartaha u warrabha. Dawn huma mistoqsijiet, saħqet Marthese Portelli, li l-Gvern qiegħed jibqa’ jirrifjuta li jwieġeb.

Il-Gvern kontra u m’għandu xejn xi jżid
Is-Segretarju Parlamentari Michael Falzon qal li l-pożizzjoni tal-Gvern hi ċara u mhux qed jaqbel li jkun hemm hearing filwaqt li ddefenda l-Manifest Elettorali, u tenna li l-Gvern qiegħed jimxi ma’ dak li wiegħed.

Wara li saru diversi rimarki minn diversi kelliema tal-Oppożizzjoni u tad-Deputat indipendenti Marlene Farrugia b’diversi appelli biex il-Gvern jibdel il-fehma u jaqbel li jwettaq dak li wiegħed, is-Segretarju Parlamentari Michael Falzon qal li m’għandu xejn xi jżid.