Kultura Lokali Mużika

L-Orkestra Filarmonika Nazzjonali ttella’ Stabat Mater ta’ Euchar Gravina

L-attività tant mistennija Mdina Cathedral Contemporary Art Biennale 2015 ingħatat bidu lbieraħ filgħaxija bl-iStabat Mater ta’ Euchar Gravina, imtella’ mill-Orkestra Filarmonika Nazzjonali mmexxija minn Christopher Muscat.

Il-kunċert jifforma parti mill-premju speċjali tal-ġurija li ngħata lil Euchar Gravina fil-Kompetizzjoni Nazzjonali tal-Mużika 2012 tal-Bank APS. Il-ġurija internazzjonali kienet affaxinata bix-xogħol ippreżentat mis-Sur Gravina u aktar minn hekk impressjonata li dak iż-żmien kellu biss 17-il sena.

Barra minhekk, bħala parti mill-premju, Stabat Mater ta’ Gravina se tiġi mnedija f’album, li ġie rrekordjat professjonalment minn Studio 7 taħt il-label GEGA.

“Għadni niftakar ċar meta qaluli bil-premju. Hu ta’ unur għalija li jkolli xogħoli interpretat mill-Orkestra Filarmonika Nazzjonali fil-Katidral tal-Imdina u quddiem daqstant dinjitarji u mistiedna – sensazzjoni li ma nistax niddeskrivi. Din kienet esperjenza eċċezzjonali li se nibqa’ ngħożż għall-kumplament ta’ ħajti. Bħala artist, nixtieq nirringrazzja lill-Bank APS għall-kontribuzzjoni kontinwa lejn il-kultura u t-twemmin qawwi fit-talent lokali”, qal is-Sur Gravina.

Is-Sur E.P. Delia, iċ-Chairman tal-Bank APS, qal li “l-iStabat Mater ta’ Euchar Gravina tista’ tiġi meqjusa bħala ‘unika’ minn diversi perspettivi. Hi l-aħħar kompożizzjoni ta’ ċiklu fuq tliet snin li jippreżenta xogħol mill-Kompetizzjoni tal-Bank APS għall-Kompożituri Maltin. Dan il-kunċert jikkumplimenta inizjattivi oħra li l-Bank APS appoġġja matul l-2015”.

Il-premiere ta’ Stabat Mater ta’ Euchar Gravina, li se tinżamm taħt il-patroċinju tal-Eċċellenza Tiegħu Mons Mario Grech, l-Isqof ta’ Għawdex, se tinkludi wkoll il-parteċipazzjoni tas-sopran Andriana Yordanova u l-Coro Bel Canto mmexxi minn Hemann Farrugia Frantz.

Il-Bank APS hu s-sieħeb ewlieni fl-iMdina Cathedral Contemporary Art Biennale 2015.