Internazzjonali

L-Ukrajna tista’ tibgħat kantanta mill-Krimea għall-Eurovision

Il-favorita li tirrappreżenta lill-Ukrajna fil-festival tal-kanzunetta Eurovision ta’ din is-sena hi kantanta ta’ 32 sena li qed tittama li tkanta dwar id-deportazzjoni tat-Tatari tal-Krimea li seħħet waqt it-Tieni Gwerra, taħt l-eksdittatur Sovjetiku Joseph Stalin.
Il-kantanta, Jamala, rebħet il-kwarti-finali ta’ kompetizzjoni biex tintgħażel ir-rappreżentanta Ukrena għall-Eurovision, bil-kanzunetta 1944. Il-kanzunetta kienet l-aktar popolari mal-panel tal-ġurija u l-pubbliku, iżda l-maġġoranza tat-Tatari fil-Krimea ma kinux eliġibbli biex jipparteċipaw fil-kompetizzjoni peress li huma residenti fil-penisola proprja (tal-Krimea) li ilha tifforma parti mir-Russja mill-2014.
Jamala tgħid li ċ-ċirkustanzi, għaliha, huma ta’ swied il-qalb meta taf li għandha ħafna sostenituri fil-Krimea. Din il-kantanta – li jisimha proprja Susana Dzhamaladinova u li kienet twieldet fil-Kyrgyzstan, fejn marret tgħix familtha wara li spiċċat iddeportata – qalet li l-kanzunetta hi dwar il-qraba u speċjalment nannitha. ‘Kelli nikteb bilfors il-kanzunetta li tqanqal tifkiriet dwar era, iżda diffiċli għalija biex inkantaha’, sostniet Jamala.
L-interpretazzjoni ta’ Jamala fi Kiev, fis-6 ta’ Frar li għadda, qanqlet gelgul ta’ appoġġ u messaġġi emozzjonali fuq il-mezzi tal-midja soċjali. Il-kanzunetta 1944, li għandha l-lirika bl-Ingliż flimkien ma’ kor bid-djalett tat-Tatari, tirrakkonta l-istorja u s-sena ta’ meta s-suldati tal-Armata Ħamra (Sovjetika) iddeportaw mal-250,000 Tatari tal-Krimea.