Internazzjonali

L-Ungerija tippjana t-tieni ħajt għall-immigranti

L-Ungerija qed tippjana biex tibni t-tieni ħajt mal-fruntiera tan-nofsinhar mas-Serbja, bil-ħsieb li trażżan l-influss potenzjali ta’ mewġa kbira oħra ta’ immigranti.

Dan qalu l-Prim Ministru Ungeriż Viktor Orban, li spjega li l-ħajt il-ġdid, li se jinbena qrib il-ħajt eżistenti, għandu jsaħħaħ ‘il-miżuri għal reazzjoni’ f’każ li t-Turkija tibdel il-politika għall-immigrazzjoni. Skont Orban, f’każ li t-Turkija tadotta politika ġdida, hemm il-possibbiltà li jfeġġu mijiet ta’ eluf ta’ immigranti mal-fruntiera tal-Ungerija.

Il-Prim Ministru tal-Ungerija semma ippjanar tekniku biex tittella’ ‘aktar minn sistema għad-difiża qrib il-linja (ta’ difiża) eżistenti li nbniet malajr, matul is-sena li għaddiet’.

Orban qal li l-Ungerija trid tipprepara għall-eventwalità li jikkrolla l-ftehim bejn it-Turkija u l-Unjoni Ewropea li jħares kontra sitwazzjoni ta’ immigranti inkontrollabbli mill-Balkani lejn l-Ewropa. Il-Prim Ministru Ungeriż lanqas ma eskluda l-użu ta’ forza f’każ ta’ ċirkostanzi diffiċli ħafna minn dan l-aspett.

Il-mewġa inizjali tal-immigranti lejn l-Ungerija naqset sew wara li l-awtoritajiet Ungeriżi tellgħu ħajt tul il-fruntiera tan-nofsinhar tal-Ungerija mas-Serbja u l-Kroazja. Is-sena l-oħra, mijiet ta’ eluf ta’ immigranti kienu vvjaġġaw mir-reġjun tal-Balkani lejn it-Tramuntana tal-Ewropa, iżda l-movimenti, illum, m’għadhomx dak li kienu.

Issa, Orban irid iżid il-preżenza tal-pulizija, bl-iskop li xi eluf ikunu stazzjonati kontinwament mal-fruntiera tal-Ungerija lejn in-nofsinhar. Hu jemmen li hu fl-interess tal-Ewropa li taħdem mat-Turkija u taqbel dwar l-issues li jservu s-sigurtà tal-Ewropa.