Lokali

L-uniku Gvern li kiser il-Kostituzzjoni hu dak ta’ Joseph Muscat u Owen Bonnici

Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista

Fi stqarrija ix-Shadow Minister tal-Edukazzjoni u x-Xogħol Therese Comodini Cachia u ix-Shadow Minister tal-Ġustizzja, d-demokrazija u d-Drittijiet Ċivili Jason Azzopardi qalu li l-istqarrijiet tad-Dipartiment tal-Informazzjoni u tal-Partit Laburista li rreaġixxaw għas-sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali b’rabta mat-Tribunal Industrijali jiprovaw jagħtu l-impressjoni, kif inhu mdorri jiprova jagħmel Muscat, li t-tort hu tal-Partit Nazzjonalista. Stqarrijiet li l-istess stqarrija tgħid ftit li xejn hemm differenza bejniethom.

L-istqarrija tal-Partit Nazzjonalista tkompli tispjega li l-liġi li daħlet fis-seħħ fl-2002 kienet l-istess waħda li daħlet fis-seħħ fl-1976, liema liġi kienet ġiet abbozzata mill-General Workers’ Union u ddaħħlet fis-seħħ minn Gvern Laburista. Mhux talli hekk, iżda meta fl-2002, il-Gvern ta’ dak iż-żmien kien għamel attentat biex ibiddel il-liġi, l-istess General Workers’ Union kienet qajmet kjass sħiħ.

“Jekk hemm xi ħadd li għandu jerfa’ r-responsabbilta’ huwa dan il-Gvern li minkejja li kien jaf bl-eventwalita’ ta’ din is-sentenza, tant li anke l-MCESD kien fetaħlu għajnejh, għaddas rasu u ma għamel xejn” tkompli tgħid l-istqarrija.

L-ironija hi li fl-istess ġimgħa li dan il-Gvern immexxi minn Joseph Muscat u minn Owen Bonnici kiser il-Kostituzzjoni ta’ Malta bl-aktar mod ċar, prova jitfa’ t-tort fuq ħaddieħor. Il-Gvern tal-lum huwa l-uniku Gvern li jibqa’ mfakkar li kiser il-Kostituzzjoni ta’ Malta ttemm tgħid l-istqarrija tal-Partit Nazzjonalista.