Lokali Parlament

Aġġornata bil-filmat: L-Oppożizzjoni se tressaq liġi ġdida – bidla radikali fil-ħatriet tal-ġudikatura

La l-Gvern se jibqa’ jwebbes rasu : l-Oppożizzjoni se tippreżenta inizjattivi biex ġudikanti jinħatru fuq bażi ta’ mertu u trasparenza.

Ftit tal-ħin ilu, fil-Parlament il-Kap tal-Partit Nazzjonalista u Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil ħabbar li l-Oppożizzjoni se tkun qed tressaq mozzjoni privata sabiex tinbidel is-sistema dwar kif jinħatru l-membri tal-ġudikatura.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil insista fuq erba’ punti importanti;

1. L-Oppożizzjoni se tinsisti li l-Ministru jerfa’ r-responsabbiltà politika tal-ksur ċar tal-Kostituzzjoni, għaliex kieku ma tkellmitx l-Oppożizzjoni, il-Gvern diġà ħatarhom u kieku kollox baqgħa għaddej qisu xejn mhu xejn. Hemm ukoll il-ksur tal-prinċipju tal-meritokrazija għaliex iż-żewġ avukati ntagħżlu minħabba min huma u x’inhuma l-konnessjonijiet tagħhom. Dan jafu kulħadd.

Simon Busuttil sejjaħ bħala insult kbir għan-nisa li l-Gvern ħatarhom għaliex huma min huma – it-tifla tal-President tal-Kamra tad-Deputati u tifla ta’ attivista prominenti fid-distrett tal-Ministru.

“Dan hu ħażin u kien għalhekk li l-Oppożizzjoni ddeskriviet dan il-każ li bih il-Gvern miss il-qiegħ, u minflok ma jieqaf, ikompli jibqa’ jħaffer għal qiegħ aktar fond”, saħaq il-Kap tal-Oppoizzjoni Simon Busuttil.​

2. L-Oppożizzjoni qed tinsisti li nnomina għall-ħatra ta’ Dr Caroline Farrugia Frendo sal-lum għadha invalida u tmur kontra l-Kostituzzjoni, u għandha tkun ukoll irtirata

3. Li l-Gvern għandu jbiddel b’effett immedjat il-mod kif jinħatru l-membri tal-ġudikataur u tiddaħħal sistema ġdida kif proposta mill-Kummissjoni Bonello u li kulħadd jaqbel dwarha;

4. Jekk l-indikazzjoni tal-Gvern hi li m’għandux ħsieb jieħu dawn id-deċiżjonijiet biex jimplimenta t-tibdil meħtieġ mill-ewwel, se tkun l-Oppożizzjoni li din il-ġimgħa tippreżenta mozzjoni privata bi proposta biex tinbidel is-sistema kif jinħatru l-membri tal-ġudikatura u jiġu inkorporati l-proposti mill-Kummissjoni Bonello​.

“L-Oppożizzjoni se tibqa’ toġġezzjona biex tara li l-affarijiet f’dan il-pajjiż jibdew isiru sew”, iddikjara Simon Busuttil.​