Festi

La Vittoria Youth tal-Mellieħa tippreżenta ‘Saturday Night Fever’

Il-kunċert ta’ din is-sena ser ikun edizzjoni numru 12 mis-serje ta’ dawn il-kunċerti. Tul dawn l-aħħar ħdax il-edizzjoni, dan il-kunċert inbidel minn sena għal l-oħra f’dak li huma stili u fl-aħħar żewġ edizzjonijiet il-kunċert ħa dehra aktar moderna fejn l-elementi kollha li qegħdin jiddominaw ix-xena ta’ bħalissa qegħdin isibu posthom f’dan il-kunċert. Dan jinkludi diversi attrazzjonijiet fosthom projections professjonali fuq il-faċċata majestuża tal-knisja tal-Mellieħa kif ukoll ġeneri ta’ mużika li qatt qabel ma ġew assoċjati mal-baned Maltin fosthom iċ-Ċirklu li kien parti mil-kunċert tas-sena li ghaddiet.

‘Saturday Night Fever’ se jkun jinkludi dak kollu li wieħed jistenna mil-lejla tas-Sibt filgħaxija. Interessanti l-fatt pero li se jkun jinkludi wkoll dak li wieħed ma jistennix li jiġri is-Sibt filgħaxija! Ma jonqsux għal darb’oħra l-innovitajiet u garanzija ta’ spettaklu akkumpanjat bi dwalijiet u effetti speċjali għal kull min jattendi. Il-maġġoranza tal-mużika li sejra tindaqq se tkun qiegħda tiġi ezebita f’Malta għal l-ewwel darba.

Ser tindaqq mużika mill-pinna ta’ Tchaikovsky, Elvis Presley, Whitney Houston, Pink Floyd, Justin Timberlake, u ħafna aktar. Ser tindaqq ukoll mużika ta’ Georges Bizet, għalkemm, il-mużika tiegħu għaddiet minn trasformazzjoni totali biex ukoll tirifletti ż-żminijiet tal-llum. Mal-Banda se jingħaqdu fost l-oħrajn l-grupp ta’ żeffiena professjonali ‘Danza C’ taħt it-tmexxija ta’ Christina Cauchi.

Jingħaqad ukoll għal-ewwel darba f’dan il-kunċert, il-kantant Malti Kevin Borg, li dar diversi pajjiżi, b’xejn inqas minn 400 kunċert. Fis-sezzjoni ta’ talenti żgħażagħ u talenti ġodda, sejrin naraw lil kantanti Mireille Borg li kantat f’diversi kunċerti ta’ preġju fosthom fil-kunċert li sar aktar kmieni din is-sena tat-Tenur b’fama mondjali Joseph Calleja, Thea Gauci li ħarġet bl-unuri f’hafna mil-festivals li ħadet sehem fihom, Alexia Micallef li kienet waħda mil-finalsiti tal-Malta Junior Euvorsion ta’ din is-sena, Cassandra Scerri li flimkien ma’ Alexia Micallef għadhom kemm irritornaw mill-Italja wara li rebħu scholarship fil-kant, kif ukoll iċ-ċkejken Neil Sant li diġa qiegħed isib postu fix-xena tal-ispettaklu. Bħal dejjem ma jonqosx is-sehem ta-l-Kor ‘Vuċijiet Vittorjani’ taħt it-tmexxija ta’ Julia Grima u Claudia Vella, kif ukoll is-solitu Ronald Briffa bil-mumenti komiċi tiegħu.

Dan u aktar ser isir nhar is-Sibt, 3 ta’ Settembru, 2016, fil-Pjazza tal-Parroċċa tal-Mellieħa mit-8pm il-quddiem. Id-direzzjoni u produzzjoni tkun ta’ Mro. Ryan Mallia, filwaqt li l-preżentazzjoni tkun ta’ Jean Claude Micallef u Elaine Saliba Bonnici. Dħul huwa bla ħlas!