Lokali

Filmat: Laqgħa mqanqla bejn is-sajjieda u l-Gvern dwar il-futur tas-sajd għall-pixxispad

Il-Gvern kien kostrett jiltaqa’ mas-sajjieda Maltin li jinsabu urtati dwar il-possibiltà ta’ restrizzjonijiet ġodda għas-sajjieda fuq is-sajd għall-pixxispad.

F’sala f’Marsaxlokk, saret laqgħa bejn is-sajjieda u rappreżentanti mid-Direttorat Ġenerali għas-Sajd, li jaqa’ direttament taħt il-Ministeru taħt is-Segretarju Parlamentari Roderick Galdes. Matul il-laqgħa, is-sajjieda esprimew it-tħassib tagħhom dwar din il-possibiltà li tista taffettwahom b’mod negattiv.

Fil-ġimgħat li ġejjin se jsiru numru ta’ laqgħat fuq livell Ewropew u s-sajjieda qed jitolbu lill-Gvern biex imur preparat għal dawn il-laqgħat, b’mod li s-sajjied Malti jkun protett minn restrizzjonijiet li jistgħu jimpattaw b’mod negattiv.

“Qed niġu ddiskriminati ma’ sajjieda barranin li għandhom ‘factory-ships'” qalilna wieħed mis-sajjieda wara li ntemmet il-laqgħa. Sajjied ieħor li tkellem ma’ NETnews.com.mt qalilna li s-sajjieda Maltin huma favur is-sostenibbiltà, madanakollu is-sajjied Malti qed jitħallat ma’ sajjieda oħra barranin li m’humiex sostenibbli.

Jekk il-Gvern ma jirnexxilux jiddefendi l-interessi tas-sajjieda Maltin, jista’ jkun hemm restrizzjonijiet ġodda fuq is-sajd tal-pixxispad, bħal pereżempju kwoti aktar baxxi, żieda fil-qisien tal-ħut li jinqabad u żmien itwal tal-‘closed-season’.

Waqt il-laqgħa, is-sajjieda taw is-suġġerimenti tagħhom lir-rappreżentanti tad-Direttorat b’uħud mis-sajjieda jgħidu lil dan is-sit li jisperaw li l-vuċi tagħhom tkun mismugħa.

Laqgha Sajjieda Pixxispad-1885