Internazzjonali

Lejn appell ġdid għall-estradizzjoni tad-direttur tal-films Roman Polanski

Il-Ministru tal-Ġustizzja Pollakk, Zbigniew Ziobro, se jappella kontra d-deċiżjoni biex il-magħruf direttur tal-films, Roman Polanski, ma jispiċċax estradit lejn l-Istati Uniti biex iwieġeb akkużi dwar stupru statutorju.

Ziobro, li jservi wkoll bħala l-Prosekutur Ġenerali tal-Polonja, qal li se jressaq dan l-appell fil-Qorti Suprema tal-pajjiż. Dan wara li imħallef, f’Ottubru li għadda, ċaħad l-estradizzjoni potenzjali ta’ Polanski lejn l-Istati Uniti bħala każ ‘inammissibbli’.

Roman Polanski, li ddirieġa films ċelebri bħal Rosemary’s Baby, Chinatown, The Tenant, Frantic, The Ninth Gate u The Pianist, illum qed jgħix fi Franza.

Hu kien ħarab mill-Istati Uniti qabel għaddiet sentenza tal-qorti, fl-1978, wara li kien ammetta li kellu relazzjonijiet sesswali ma’ tfajla taħt l-età. Il-vittma tiegħu, Samantha Geimer, kienet tkellmet dwar l-esperjenza diffiċli tagħha meta kienet telgħet tixhed kontra Polanski, waqt intervista lill-programm tal-BBC, HARDTalk, li saret fl-2013.

Roman Polanski għandu ċittadinanza Pollakka u daqstant ieħor Franċiza. Franza ma testradix liċ-ċittadini tagħha, iżda d-direttur ta’ spiss iżur il-Polonja, fejn, ftit tal-jiem ilu, attenda avveniment għall-istampa fil-belt ta’ Katowice.

L-awtoritajiet Żvizzeri, fl-2010, ma laqgħux mandat tal-Istati Uniti għall-estradizzjoni ta’ Polanski, wara li kienu żammew lid-direttur taħt arrest fir-residenza tiegħu fi Gstaad għal disa’ xhur sħaħ.