Ambjent Lokali

Lejn ftuħ ta’ staġun ieħor tal-Kaċċa fil-Ħarifa

Ritratt mill-Arkivji

Bejn il-Ħamis li ġej u l-31 ta’ Jannar (iż-żewġ dati inklużi), se jiftaħ staġun ieħor tal-Kaċċa fil-Ħarifa. Mit-Tnejn sas-Sibt, il-kaċċaturi se jkunu jistgħu jikkaċċjaw minn sagħtejn qabel tlugħ ix-xemx sa sagħtejn wara nżul ix-xemx. Min-naħa l-oħra, fil-Ħdud u l-Festi, il-Kaċċa tista’ ssir bejn sagħtejn qabel tlugħ ix-xemx u s-1pm.

Dan qed isir skont ir-Regolament dwar il-Konservazzjoni tal-Għasafar Selvaġġi. Min-naħa l-oħra, il-Kaċċa tal-għasafar minn fuq l-art bejn il-15 ta’ Settembru u s-7 ta’ Ottubru mhix permessa mit-Tnejn sas-Sibt bejn is-7pm u sagħtejn qabel tlugħ ix-xemx tal-ġurnata ta’ wara. L-istess restrizzjonijiet fil-ħinijiet japplikaw ukoll għall-Kaċċa tal-Fenek Selvaġġ, li hi permessa sal-31 ta’ Diċembru.

Il-Kaċċa tal-għasafar minn fuq il-baħar se tkun permessa mill-1 ta’ Ottubru sal-31 ta’ Jannar fl-istess ħinijiet bħal dawk applikabbli għall-Kaċċa minn fuq l-art. Madankollu, mill-1 sas-7 ta’ Ottubru, il-Kaċċa fuq il-baħar mhix permessa mit-Tnejn sas-Sibt mis-7pm sa sagħtejn qabel tlugħ ix-xemx tal-ġurnata ta’ wara.

Minbarra li spjega dawn id-dettalji, fi stqarrija l-Gvern qal li l-kaċċaturi jistgħu biss jikkaċċjaw għall-ispeċi li għalihom huma liċenzjati skont il-kategorija tal-liċenzja tagħhom.

Skont ir-Regolamenti l-ġodda, li daħlu fis-seħħ aktar kmieni din is-sena (Avviż Legali 69/2016) u skont l-istruzzjonijiet li hemm fil-ktejjeb informattiv imqassam mal-Liċenzji tal-Kaċċa, il-kaċċaturi liċenzjati huma obbligati jirrappurtaw l-għasafar maqbuda permezz ta’ sistema tat-telefon qabel ma jitilqu miż-żona li fiha jkunu qed jikkaċċjaw. Dan l-obbligu ħa post is-sistema preċedenti li tirrapporta permezz tal-‘Carnet de Chasse’.

Flimkien ma’ dan il-metodu, kien hemm ukoll bidliet dwar l-ispeċi li jistgħu jiġu kkaċċjati. Minħabba li l-klassifikazzjoni tal-istatus legali tas-Serra (Mergus serrator) inbidel, il-Kaċċa ta’ din l-ispeċi m’għadhiex permessa. Barra minhekk, skont l-Avviż Legali 77/2016, il-Kaċċa għall-Gamiema (Streptopelia turtur) għandha tkun permessa biss bejn l-1 u t-30 ta’ Settembru, bi kwota nazzjonali ta’ 7,000 għasfur. Kaċċa għall-gamiem barra minn dan il-perjodu mhix permessa u kwalunkwe reat għandu jiġi ppenalizzat skont il-Liġi.

Il-Gvern fakkar li kulmin jinqabad jispara jew jonsob speċi protetti kif elenkati fl-Iskedi I u IX tar-Regolament dwar il-Konservazzjoni tal-Għasafar, se jkunu suġġett għal piena li tinkludi €5,000 multa u/jew priġunerija għal sena, kif ukoll revoka permanenti jew projbizzjoni fuq ksib ta’ Liċenzja tal-Kaċċa jew Insib u l-konfiska tal-‘corpus delicti’.

Fil-każ tat-tieni reat jew reati sussegwenti, il-piena applikabbli titla’ għal multa ta’ €10,000, konfiska u/jew priġunerija għal sentejn. Hemm ukoll penali għal kull irregolarità oħra, inkluż għal nuqqas ta’ dikjarazzjoni ta’ għasafar maqbuda permezz tat-telefon.