Internazzjonali

Lejn Il-COP21 f’Pariġi: Impenjati għal azzjoni li ssalva l-klima

Madwar 150 mexxej tad-dinja, għada, se jimpenjaw ruħhom għal konferenza importanti ħafna dwar il-klima li qed torganizza n-Nazzjonijiet Uniti f’Pariġi. L-iskop ta’ din il-laqgħa hi li twassal għal ftehim biex il-pajjiżi jillimitaw l-emissjoni tal-gassijiet li qed jagħmlu ħsara lill-ambjent għat-tul taż-żmien.

Il-konferenza, magħrufa bħala COP21, qed issir taħt sigurtà kbira. Mistenni li madwar 40,000 persuna jieħdu sehem fl-avveniment li jibqa’ għaddej sal-11 ta’ Diċembru. Dan meta l-President tal-Istati Uniti, Barack Obama; il-President taċ-Ċina, Xi Jinping u l-President tar-Russja, Vladimir Putin, għandhom jattendu għat-taħditiet ta’ Pariġi.

Il-COP21 se tindirizza pjani u inizjattivi li jevitaw sitwazzjonijiet ta’ global warming li jkunu dovuti għall-attivitajiet tal-bniedem.

Sadanittant, f’lejliet il-konferenza tan-NU saru numru ta’ dimostrazzjonijiet madwar id-dinja fejn in-nies insistew għal ‘azzjoni konkreta’ li tikkontrolla u trażżan il-bidliet fil-klima.

In-nies f’Pariġi ħallew mijiet ta’ pari taż-żraben fil-Pjazza tar-Repubblika bħala protesta siekta dwar il-bidliet fil-klima, wara li l-Gvern Franċiż ipprojbixxa dimostrazzjonijiet pubbliċi marbuta mal-COP21. Dan meta qed ikompli l-istat tal-emerġenza fi Franza wara l-attakki tat-13 ta’ Novembru f’Pariġi mit-terroristi tal-ISIS fejn inqatlu 130 persuna.

Intant, il-pulizija Franċiża, sigħat ilu, sparat il-gass tad-dmugħ lejn grupp ta’ dimostranti qrib il-Place de la Republique, f’Pariġi. Saru wkoll għexieren ta’ arresti fl-inħawi.

B’kollox kienu ppjanati ‘l fuq minn 2,000 avveniment u dimostrazzjoni madwar id-dinja, b’għexieren ta’ eluf ta’ nies jibdew jum ta’ protesti fl-ibliet Awstraljani ta’ Sydney u Adelaide. Dimostrazzjonijiet oħra kienu organizzati fi bliet prinċipali oħrajn bħal Londra, New York u Sao Paulo.