Internazzjonali

Lejn kriżi ġdida ta’ refuġjati Sirjani li ħarbu minn Aleppo

ALEPPO, SYRIA - SEPTEMBER 20 : Syrian people carry wounded ones to hospital after Assad Regime Forces stage an airstrike to opposition controlled Muvasalat district of Aleppo, Syria on September 20, 2015. (Mamun Ebu Omer/Anadolu Agency/Getty Images)

L-aħħar rapporti mis-Sirja qalu li għexieren ta’ eluf ta’ Sirjani qed jaħarbu lejn il-fruntiera mat-Turkija biex isalvaw mill-ġlied qalil fil-madwar ta’ Aleppo. Dan, waqt li qawwiet tal-ajru tar-Russja wettqu attakki intensivi fuq pożizzjonijiet tar-ribelli fl-inħawi ta’ Aleppo biex jgħinu għall-avvanzi mit-truppi tal-Gvern Sirjan, immexxi mill-President Bashar al-Assad.

In-Nazzjonijiet Uniti u l-awtoritajiet Torok qalu li eluf ta’ refuġjati ‘minn Aleppo’ waslu f’aċċess mal-fruntiera, iżda ma tħallewx jaqsmu lejn it-Turkija. Intant, it-Turkija qalet li għandha l-miżuri f’posthom biex tipprovdi ikel u kenn lil dawn ir-refuġjati. Sadanittant, għadha mistennija verifika minn sorsi indipendenti dwar il-qtil ta’ ċivili waqt l-attakki tar-Russi fuq id-distretti ta’ Aleppo kkontrollati mir-ribelli li jridu jwaqqgħu lil Assad.

Kelliema għall-grupp Mercy Corps qalu li ma baqgħetx effettiva r-rotta ewlenija minfejn titwassal għajnuna umanitarja lin-nies ta’ Aleppo. Skont dawn il-kelliema, ‘hemm ukoll indikazzjonijiet li din il-belt Sirjana, ’il quddiem għandha tkun suġġetta għal assedju’.

Fl-istess ħin, ir-Russja akkużat lit-Turkija li qed tħejji biex tinvadi lis-Sirja. Kelliem għall-Ministeru tad-Difiża Russu qal li Moska għandha ‘raġunijiet validi’ biex tissuspetta li t-Torok qed iħejju b’mod intensiv għal invażjoni militari tas-Sirja u wara li r-Russja diġà ppreżentat ‘provi bil-filmati’ li jingħad li juru bumbardamenti mill-qawwiet Torok fuq inħawi Sirjani. It-Turkija, aktar tard, ċaħdet din l-allegazzjoni.

It-taħditiet għall-paċi fis-Sirja li kienu organizzati f’Ġinevra (fl-Iżvizzera) jiem ilu spiċċaw sospiżi. Dan fost ilmenti tal-Oppożizzjoni Sirjana li n-negozjati mar-rappreżentanti tal-Gvern Sirjan kienu ‘impossibbli’ fost l-azzjonijiet kontinwi mill-Armata ta’ Assad fis-Sirja.

L-aħħar indikazzjonjiiet min-NU kienu li sa 20,000 refuġjat laħqu nġabru fl-aċċess ta’ Bab al Salam,fl-inħawi tal-fruntiera Sirjana mat-Turkija. Rapporti oħrajn qalu li bejn 5,000 u 10,000 refuġjati oħra waslu fil-belt Sirjana ta’ Azaz li wkoll hi qrib il-fruntiera Torka.