Internazzjonali

Lejn l-arrest ta’ dimostranti li daħlu fil-Parlament tal-Iraq

Il-Prim Ministru Iraqi, Haider al-Abadi, ħareġ direttivi għall-arrest tal-attivisti Musulmani Xiti li, nhar is-Sibt, daħlu bil-forza fil-Parlament ta’ Bagdad.Al-Abadi insista biex issir il-ġustizzja mad-dimostranti li wettqu l-ħsarat u li attakkaw lill-pulizija fl-inħawi.

Is-sostenituri tal-mexxej reliġjuż, Moqtada Sadr kienu faqgħu barrikati fiz-Zona l-Ħadra – iċ-ċentru (f’Bagdad) fejn hemm l-uffiċini tal-Gvern u l-ambaxxati – bi protesta għad-dawmien fl-approvazzjoni ta’ Kabinett ġdid. Il-protesti, intant, wasslu għad-dikjarazzjoni ta’ stat ta’ emerġenza fil-kapitali.

Is-sostenituri ta’ Sadr iridu li d-deputati parlamentari jixprunaw pjani biex il-ministri b’affiljazzjoni politika jċedu posthom lil teknokratiċi ‘mingħajr għamad politiku’. Iżda l-partiti influwenti li huma rrappreżentati fil-Parlament ilhom il-ġimgħat jirrifjutaw li japprovaw din il-bidla.

Il-kriżi politika attwali fl-Iraq hi fost l-agħar mindu, fl-2003, il-qawwiet tal-koalizzjoni internazzjonali taħt tmexxija Amerikana invadew il-pajjiż u waqqgħu ir-reġim tal-eksdittatur Saddam Hussein.

Il-Parlament Iraqi, fl-aħħar tal-ġimgħa, naqas mill-ġdid milli jifforma kworum u dan wassal biex il-protesti jżidu fil-qilla, b’mijiet ta’ attivisti jwaqqgħu numru ta’ ħitan u ostakoli biex jassedjaw il-bini tal-Parlament, f’Bagdad.