Internazzjonali

Lejn missjoni biex jilliberaw Mosul mill-ISIS

 

Fil-ġimgħat li ġejjin għandha tibda offensiva ġdida fl-Iraq bl-iskop li jingħalaq kull aċċess lejn u ‘il hinn mill-belt ta’ Mosul li ilha minn Ġunju tal-2014 ikkontrollata mit-terroristi tal-ISIS.

L-offensiva hi intiża biex it-terroristi jingħalqu fil-belt fejn ikunu ta’ theddida anqas, fost it-tamiet li dawn ikunu eliminati maż-żmien. L-alleati fil-koalizzjoni għal kontra l-ISIS qed jittamaw, sadanittant, li ma jdumux ma jieħdu f’idejhom l-inħawi ta’ Mosul, li hi t-tieni l-aktar belt importanti tal-Iraq. Madankollu l-alleati mhumiex jikkommettu ruħhom għal kemm tista’ ddum għaddejja l-battalja kruċjali għal Mosul.

Il-Ministru tad-Difiża tar-Renju Unit, Michael Fallon, tkellem dwar l-offensiva imminenti ‘li jittama li tilħaq tibda qabel il-Milied’ u fejn spjega li, fil-preżent, qed jitħejjew il-qawwiet għal din il-kampanja militari li se titmexxa mit-truppi tal-Iraq.

Il-pjani għall-offensiva kienu reveduti u approvati mill-Gvernijiet tal-Istati Uniti u r-Renju Unit u l-qawwiet Iraqin involuti se jkollhom l-appoġġ ta’ qawwiet speċjali mill-Punent kif ukoll mill-ajruplani tal-koalizzjoni.

Għalissa, l-ajruplani tal-gwerra Britanniċi li jiffurmaw parti mill-koalizzjoni anti-ISIS taħt it-tmexxija tal-Istati Uniti jinsabu fuq standby ġo bażi f’Ċipru.