Internazzjonali

Lejn taħditiet fil-kriżi tas-Sirja, bl-ISIS javvanzaw…

Il-Pentagon tal-Istati Uniti qal li r-Russja qablet biex terġa’ tibda taħditiet mal-Amerikani rigward is-sigurtà tal-ajru waqt li jkunu għaddejjin il-bumbardamenti fuq miri speċifiċi fl-artijiet tas-Sirja.

L-indikazzjonijiet kienu lit-taħditiet setgħu jibdew fi kwalunkwe ħin, fost tħassib li jista’ jinqala’ xi inċident aċċidentali fi żmien meta l-Istati Uniti u r-Russja qed imexxu offensivi mill-ajru separati fuq is-Sirja.

L-Istati Uniti u l-alleati tan-NATO esprimew allarm dwar l-aħħar inċidenti fejn il-jets militari tar-Russja abbużaw l-ispazju tal-ajru tat-Turkija. Filwaqt li uffiċjali Amerikani u Russi tkellmu diġà dwar is-sigurtà tal-ajru, l-Istati Uniti ilmentat li ma semgħet xejn minn Moska mindu l-pajjiżi ddiskutew il-kwistjoni fil-bidu ta’ dan ix-xahar.

Ir-Russja qalet li qed tattakka kontinwament il-pożizzjonijiet tal-militanti tal-ISIS fis-Sirja, iżda hemm tħassib li l-qawwiet Russi, fil-fatt, qed jibbumbardjaw ribelli oħrajn ( fis-Sirja) li jopponu r-reġim tal-President Sirjan Bashar al-Assad.

Rapporti oħra qalu wkoll li l-ISIS, fl-aħħar sigħat, irnexxielhom jaħtfu diversi villaġġi qrib il-belt Sirjana ta’ Aleppo, li qabel kienu f’idejn il-gruppi tar-ribelli rivali.

Dan meta l-osservaturi nnutaw li l-attakki mill-ajru tar-Russja dehru aktar ikkonċentrati fuq il-qawwiet tal-Oppożizzjoni Sirjana li huma theddida għall-Gvern ta’ Assad.