Lokali Qorti

Liberat minn akkużi marbuta ma’ kaxxi tal-logħob

Inċertezza dwar min kellu jkun l-imputat bejn missier u iben li jġibu l-istess isem, u nuqqas ta’ provi suffiċjenti wasslu biex Paul Attard ta’ 63 sena residenti f’San Ġwann kien liberat minn akkużi relatati ma’ tħaddim ta’ kaxxi tal-logħob li ma kienux liċenzjati mill-Awtorita’ tal-Logħob u l-Lotteriji (LGA).

Attard kien akkużat fost oħrajn li fit-3 ta’ Ottubru tal-2011 kien qed iħaddem kaxxi tal-logħob fl-istabbiliment Time Square f’Tas-Sliema, mingħajr il-liċenzja meħtieġa tal-LGA. Dakinhar, il-Pulizija kienet elevat żewġ monitors.

Fis-sentenza, il-Qorti tal-Maġistrati preseduta mill-Maġistrat Ian Farrugia innotat li dakinhar li saret l-ispezzjoni, fuq il-post kien hemm iben l-akkużat li wkoll jismu Paul Attard li għandu 41 sena, u li l-akkużat ma kienx fuq il-post. Sussegwentement il-Pulizija kellmet lill-akkużat erba’ xhur wara li saret l-ispezzjoni. Il-Qorti qalet li l-provi dwar ir-rabta bejn l-istabbiliment Time Square u l-akkużat m’humiex sodi biżżejjed.

“Min stabilixxa li huwa l-imputat Paul Attard (il-missier) li għandu jwieġeb għal ċertu fatti u mhux Paul Attard (l-iben) li effetivament kien fuq il-post?”, staqsiet il-Qorti, li tkompli li mid-dokumenti esibiti ma jgħidu xejn dwar min kien responsabbli tal-istabbiliment Time Square dakinhar tal-ispezzjoni. Għaldaqstant ma’ ġietx stabbilita rabta soda biżżejjed bejn l-imputat, l-istabbiliment u d-data tal-ispezzjoni.

Dwar il-monitors, l-akkużat Paul Attard sostna li dawn kienu hemm sabiex klijenti ikollhom aċċess għall-internet filwaqt li l-prosekuzzjoni allegat li huma monitors li joffru l-logħob bħal tal-casinos.

Il-Qorti qieset ix-xhieda tar-rappreżentanti tal-LGA u x-xhieda ta’ Rita Fucile u Margaret Camilleri li qalu li tefgħu karta ta’ €5 u meta spiċċalhomm dan il-kreditu telqu minn fuq il-post. Il-Maġistrat qal li mill-provi u xhieda, il-prosekuzzjoni irnexxielha tipprova li x’aktarx iva milli le, tali monitors kienu kontra l-liġi.

Madanakollu, sabiex tinstab ħtija, il-grad ta’ prova irid ikun lil hinn minn kull dubju dettat mir-raġuni. Il-grad ta’ probabbli mhux biżżejjed sabiex tinstab ħtija u l-prova determinanti kellha ssir minn espert tekniku fil-qasam li jkun imqabbad b’mod indipendenti mill-partijiet fil-kawża, kompliet il-Qorti.

Għaldaqstant, il-Qorti illiberat lil Paul Attard minn kull akkuża. L-Avukat Gianluca Caruana Curran deher għall-akkużat.