Futbol Lokali Qorti Sport

Liberati minn akkużi ta’ “match-fixing” fil-logħob ta’ Malta U-21

Kyle Cesare ta’ 21 sena u Emmanuel Briffa ta’ 22 sena ma nstabux ħatja li assoċjaw ruħhom bil-għan li jagħmlu delitt bi ksur tal-liġi dwar ix-xiri tal-plejers.

Il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Joe Mifsud, aċċettat l-argument tad-difiża li ma kienx hemm l-intenzjonalita’ min-naħa tal-akkużati għaliex kienu sfruttati minħabba l-immaturita’ tagħhom.

Il-każ imur lura għal Marzu li għadda meta l-Pulizija rċeviet informazzjoni mingħand Franz Tabone, Integrity Officer tal-MFA, li kien hemm każ ta’ xiri ta’ plejers fil-logħba U-21 Malta v Montenegro u tentattiv ta’ xiri ta’ plejers fil-logħba Malta v Repubblika Ċeka ftit jiem wara. Mill-investigazzjoni tal-Pulizija kien identifikat Seyble Zammit li ġie arrestat fit-28 ta’ Marzu, lejliet il-logħba kontra r-Repubblika Ċeka. Seyble Zammit ammetta l-akkużi kontrih fi proċeduri separati.

Mix-xhieda ta’ Seyble Zammit, ġie stabbilit li l-moħħ wara l-attentat tat-tixħim kien hemm Ronnie Mackay ta’ 35 sena li ħa ħsieb il-pjan u nkariga lil Seyble Zammit biex javviċina l-plejers, fosthom l-imputati Kyle Cesare u Emmanuel Briffa. Għalkemm iltaqgħu ma’ Zammit madwar tliet darbiet, kemm Cesare kif ukoll Briffa stqarrew li ma sar ebda ftehim u ma ħadu ebda flus.

Il-Qorti nnutat ukoll li l-liġi ma tikkastigax biss min jinxtara iżda anki min ma jkunx inxtara iżda ma jirrapportax lill-awtoritajiet b’dan it-tentattiv fi żmien tliet xhur. Madanakollu f’dan il-każ jidher li l-Pulizija arrestat liż-żewġ żagħżagħ u tressqu l-Qorti qabel ma skadew it-tliet xhur, tant li m’akkużathomx b’dan in-nuqqas.

“Huwa għalhekk evidenti li l-imsemmija imputati Kyle Cesare u Emmanuel Briffa ġiet sfruttata l-immaturita’ tagħhom u spiċċaw affetwati mill-peer pressure jew social pressure sakemm sabu l-għajnuna”, qal il-Maġistrat Mifsud.

Konsegwentement il-Qorti ddikjarat li ż-żewġ żagħżagħ huma eżenti minn responsabbilta’ kriminali. Ronnie Mackay, li kien imputat ma’ Cesare u Briffa, se jingħata sentenza separata fis-26 ta’ Settembru sakemm il-Prosekuzzjoni u d-Difiża jippatteġġjaw dwar il-piena.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Sean Scicluna, filwaqt li Kyle Cesare u Emmanuel Briffa kienu assistiti mill-Avukati Stefano Filletti, Charlene Grima u Clifton Grima.

Sadanittant, fi stqarrija, il-Malta Football Association ħadet nota tas-sentenza mogħtija dalgħodu mill-Qorti u wara laqgħa tal-Kumitat Ezekuttiv, ġie deċiż li titneħħa s-sospensjoni minn kull attivita’ ta’ futbol li kienet imposta fuq Kyle Cesare u Emanuel Briffa.

L-MFA tkompli li mill-lat tal-ġustizzja sportiva, l-Assocjazzjoni qed tittraduċi l-atti proċesswali kollha fil-lingwa Inġliza bil-għan li tgħaddi d-dokumentazzjoni kollha lid-Dipartiment tad-Dixxiplina tal-UEFA li jiddeċiedi jekk għandhomx jinfetħu proċeduri kontra ż-żewġ plejers Maltin. Dan għaliex il-partiti in kwistjoni, jiġifieri tat-tim nazzjonali Malti ta’ taħt il-21 sena, jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tal-UEFA.