Futbol Sport

Logħba testimonjali għal Gilbert Agius

Gilbert Agius se jkun qed itemm il-karriera b’mod uffiċjali meta jilgħab l-aħħar partita bħala plejer, partita li ġiet organizzata mill-kumitat tal-Valletta F.C. Il-logħba se tintlagħab is-Sibt 4 ta’ Ġunju fil-5.30pm fil-Luxol Grounds meta selezzjoni ta’ plejers ta’ Valletta jilagħbu kontra Whitegate United.

Id-dħul għal partita hi ta’ €5 bil-qligħ kollu jmur għal Hospice Movement.

Gilbert Agius kellu karriera brillanti fejn ifforma parti mit-timijiet ta’ Valletta li rebħu l-ħames tazzi fl-istaġun 1996/1997 u s-sitt tazzi fl-istaġun 2000/2001. Mal-klabb Belti Agius rebaħ diversi unuri, inklużi personali fosthom tliet darbiet il-plejer tas-sena.

Fl-aħħar snin Agius kien qed jokkupa l-kariga ta’ assistent kowċ fejn ħadem ma’ Mark Miller, Andre Paus u Paul Zammit u fit-tmexxija tat-tim flimkien ma’ Ivan Zammit fl-istaġun 2014/2015. Il-partitarji ta’ Valletta dejjem xtaqu li jsellmu lil Agius għall-aħħar darba bħala plejer u wara staġuni mingħajr ma jilgħab, l-assistent kowċ Belti li llum għandu 42 sena se jkun qed jagħlaq b’mod definit il-karriera brillanti tiegħu.

Gilbert Agius lagħab ukoll 119-il partita mat-tim Nazzjonali Malti, filwaqt li l-klabb Belti kien iddeċieda wkoll li jerfa’ n-numru 7 li Agius lagħab tul il-karriera ma’ Valletta b’sinjal ta’ rispett għal lealta ta’ Gilbert Agius.