Futbol Sport

Luca Toni jħabbar li se jirtira

L-attakant veteran Taljan Luca Toni ħabbar li se jirtira wara 22 sena jilgħab il-futbol fuq livell professjonali. L-aħbar kienet ilha tissemma iżda kien l-istess Toni li ħabbar b’mod uffiċjali fejn qal li l-Ħadd li ġej se tkun l-aħħar logħba tiegħu hekk kif Verona li sfaw relegati dan l-istaġun se jilagħbu kontra wieħed mit-timijiet li Toni lagħab maghħom Juventus.

Toni li dan ix-xahar jagħlaq 39 sena, sostna li hu ġust li jieqaf issa u tenna li se tkun ġurnata diffiċli għalih. Fil-karriera tiegħu man-Nazzjonali u fuq livell ta’ klabbs, Toni lagħab 705 logħbiet u skorja 326 gowl. Rebaħ darbtejn l-aqwa skorer tas-Serie A inkluż l-istaġun li għadda, darba l-aqwa skorer tas-Serie B, darba fil-Bundesliga u fil-Coppa UEFA filwaqt li fll-2006 rebaħ iż-żarbun tad-deheb. Toni rebaħ il-kampjonat Ġermaniż u t-Tazza Ġermaniża ma’ Bayern kif ukoll it-Tazza tad-Dinja mal-Italja.