Internazzjonali

Lukashenko jibqa’ fil-poter

Bħalma kien mistenni, Alexander Lukashenko kien ikkonfermat fil-poter wara l-elezzjoni presidenzjali ta’ nhar il-Ħadd. Fiha hu rebaħ il-ħames mandat tiegħu f’dawn l-aħħar 21 sena. Għal ħafna, Lukashenko jitqies bħala l-aħħar dittatur fl-Ewropa.
Skont il-Kummissjoni Elettorali f’Minsk, Lukashenko rebaħ 83.5 fil-mija tal-voti filwaqt li t-tliet kandidati l-oħra li kkontestaw lanqas qabżu l-ħamsa fil-mija tal-voti.
Il-voti li kiseb Lukashenko kienu żieda mad-79.7 fil-mija tal-voti li kiseb fl-2010.
Tul il-21 sena li Lukashenko, li għandu 61 sena, ilu fil-poter, hu rażżan sistematikament kull dissens kontrih, b’mod partikulari mill-politiċi u l-media.