Lokali

Tal-Lejber ma jridux jgħidu x’impatt se jkollu t-tanker tal-gass fuq Birżebbuġa

Il-Partit Laburista ma jridx li l-familji ta’ Birżebbuġa jkunu jafu l-impatt li se jħalli fuqhom it-tanker tal-gass, li se jitpoġġa’ qribhom bħala parti mill-proġett tal-power station il-ġdida.

Dan ħareġ minn laqgħa tal-Kunsill Laburista ta’ Birżebbuġa, fejn il-Kunsillieri tal-Partit Laburista vvutaw kontra mozzjoni li kienet tinsisti mal-Gvern biex jispjega x’se jkunu l-impatti tat-tanker tal-gass li se jpoġġi Joseph Muscat ftit kilometri biss ‘il bogħod minn fejn jgħixu r-residenti. Il-laqgħa issejħet ta’ malajr, u saret f’nofsinhar. Preżenti kien hemm iż-żewġ kunsilliera tal-PN Hermann Schiavone u Stanley Zammit.

Fi stqarrija, il-PN esprima diżappunt għall-fatt illi l-Kunsillieri tal-Partit Laburista iddefendew ir-“rigal” li Muscat se jkun qed jagħti lill-familji ta’ Birżebbuġa – tanker tal-gass li hu ta’ periklu kbir għall-familji u n-negozji f’Birżebbuġa.

Minflok, il-kunsillieri tal-Partit Laburista gidbu dwar dikjarazzjonijiet tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil. Dan għaliex il-Partit Nazzjonalista huwa favur tkabbir fl-operat tal-Freeport u dan biex jiżdiedu l-impjiegi, u mhux biex issir estensjoni tal-Freeport fuq żona ODZ.

Il-PN saħaq illi Joseph Muscat huwa tant maqtugħ mir-realtà tal-ħaddiema Maltin u Għawdxin, li issa fetaħ attakk dirett ukoll fuq l-impjegati tal-Freeport li ta’ kuljum, jiddedikaw l-enerġija kollha tagħhom biex is-settur tal-loġistika u d-distribuzzjoni f’pajjiżna jkompli jikber.