Ambjent

Malta fit-tieni post mill-aħħar għall-użu ta’ enerġija nadifa

Malta tinsab fil-post ta’ qabel tal-aħħar fl-UE għas-sehem tal-enerġija alternattiva fl-enerġija kollha li tuża bħala pajjiż.

Il-Eurostat ħarġet iċ-ċifri dwar dan is-settur li juru li disa’ pajjiżi mit-28 tal-UE diġà laħqu l-miri tagħhom tal-2020.

Malta, tinsab biss 0.2% aħjar mil-Lussemburgu, li hu fl-aħħar post b’4.5% għal kemm enerġija użata fil-pajjiż tkun ġejja minn sorsi li jiġġeddu. Il-mira għal Malta hi li sal-2020 10% tal-enerġija li tuża tkun ġejja minn sorsi alternattivi.

L-Iżvezja hi fl-ewwel post, b’iktar minn nofs l-enerġija li tikkonsma ġejja minn sorsi nodfa, u hi wkoll fost id-disa’ pajjiżi li diġà għaddew il-mira tagħhom sal-2020. Il-pajjiżi l-oħra huma l-Finlandja, il-Kroazja, l-Estonja, ir-Rumanija, il-Litwanja, il-Bulgarija, l-Italja u r-Repubblika Ċeka.

L-iktar li għadhom ’il bogħod milli jilħqu l-mira tagħhom sal-2020 huma Franza, l-Olanda u r-Renju Unit.