Lokali

Malta ‘Freeport’ għall-ISIS – Il-ġurnal Taljan Il Messaggero

Kien imiss lilIl-ġurnal influwenti ta’ Ruma ‘Il Messaggero’ li jkompli bir-rapporti dwar dak li qed jiġri f’Malta wara l-każi tas-Sirjani li nqabdu f’ajruporti diversi tal-Italja b’passaporti foloz fi triqithom lejn Malta f’mument meta l-Ewropa tinsab maħkuma fil-morsa tat-terroriżmu wara l-attakki ta’ Pariġi.

Il-ġurnal Taljan, b’titlu prinċipali, fl-aħħar sigħat iddeskriva lil Malta bħala ‘Freeport’ għall-Istat Iżlamiku (ISIS).

L-artiklu jirrapporta kif numru ta’ Sirjani li matul l-aħħar jiem inqabdu fil-fatt b’passaporti u dokumenti foloz oħrajn hekk kif kienu se jaqbdu vjaġġ lejn Malta minn ajruporti differenti Taljani – Bergamo, Ciampino f’Ruma u Treviso.

Grazzi għall-Pulizija Taljana, dawn is-Sirjani nqabdu u kienu arrestati, iżda ħadd ma jaf kemm kienu laħqu daħlu diġà f’pajjiżna Sirjani u persuni oħrajn fil-jiem u l-ġimgħat ta’ qabel.

Dan ir-rapport isegwi dawk li ppubblikaw il-ġurnali ‘Corriere della Sera’ u ‘Il Giornale’ li fil-jiem preċedenti ddeskrivew lil pajjiżna bħala “bażi u destinazzjoni ġdida għall-Ġiħadisti” li jkunu jridu jidħlu fl-Ewropa, hekk kif Malta, bħala stat membru tal-UE, tintqies bħala pont bejn il-kontinent Afrikan u dak Ewropew.

‘Il Messaggero’ jingħaqad ukoll mat-tħassib diġà espress fis-sens li Malta ftit ftit saret – jew qed issir – ċentru għall-estremisti Iżlamiċi. Minkejja dawn l-artikli fil-midja internazzjonali, il-Gvern Malti qed jibqa’ jinsisti li m’hemm l-ebda lok għall-allarm u li ma għandu l-ebda informazzjoni dwar xi theddid jew periklu terroristiku għal pajjiżna.

Il-Prim Ministru Joseph Muscat, li stqarr li ma joqgħodx fuq rapporti fil-midja, qed jgħid li s-Sirjani qed jippruvaw jidħlu f’pajjiżna biex isibu xogħol.

Dan kollu jsegwi wkoll l-iskandli li faqqgħu fl-aħħar ġimgħat u xhur b’rabta mal-allegati irregolaritajiet fil-ħruġ ta’ visas u permessi ta’ residenza lil barranin f’Malta – każi li wkoll qanqlu l-attenzjoni tal-midja internazzjonali, apparti li huma wkoll is-suġġett ta’ proċeduri fil-Qorti li fihom hemm involut l-eksteżorier tal-Partit Laburista Joe Sammut wara li saru diversi
arresti mill-Pulizija.